Lokali

In-Nazzjon 29.08.2017

Id-deċiżjoni tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista dwar il-kontroversja dwar il-kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, li issa se tmur quddiem il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġiba Xierqa u Etika tal-PN, tiddomina l-aħbar tal-ġurnal In-Nazzjon.

Stejjer oħra fil-ġurnal jittrattaw il-petizzjoni b’1,700 firma kontra l-proposta ta’ skola privata ġdida f’Pembroke, il-130 proposta mill-imsieħba soċjali li se jitressqu lill-Gvern għall-Budget 2018, triq f’Birkirkara li nqalgħet darbtejn minħabba żball fl-ippjanar, u t-talba tal-Kurja lill-Gvern biex isir l-investiment meħtieġ fir-restawr tal-Kappella tal-Lunzjata fiz-zona tas-Salib tal-Għolja, fis-Siġġiewi, minħabba l-istat perikoluż li tinsab fih il-kappella.

Fil-paġni tal-opinjonijiet illum hemm l-analiżi politika ta’ Mario Schiavone dwar l-għażla fl-elezzjoni għal Kap ġdid tal-PN, u opinjoni ta’ Albert Buttigieg dwar il-legalizzazzjoni tad-droga marijuana,  bit-titlu tal-opinjoni: ‘Staqsi lill-imġarrab’.