Il-Korea ta’ Fuq komunista, matul il-lejl, sparat missila minn fuq it-Tramuntana tal-Ġappun f’pass li l-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe, fisser bħala theddida bla preċedent għal pajjiżu.
Il-missila għaddiet minn fuq il-gżira Ġappuniża ta’ Hokkaido qabel niżlet fil-baħar u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti mistenni jevalwa s-sitwazzjoni allarmanti b’urġenza.
Il-Korea ta’ Fuq fl-aħħar ġimgħat wettqet sensiela ta’ provi missilistiċi iżda din tidher li hi l-ewwel darba li l-pajjiż spara missila ballistika minn fuq il-Ġappun. Osservaturi, intant, qalu li l-aħħar prova minn Pyongyang tidher li hi l-ewwel waħda għal missila li għandha l-potenzjal biex iġġorr warhead nukleari.
Il-militar tal-Korea t’Isfel qal li l-missila kienet sparata minn qrib Pyongyang, il-kapitali tal-Korea komunista, li hi xi ħaġa rari. Il-missila taret għal mijiet ta’ kilometri qabel niżlet direttament fl-Oċean Paċifiku. Il-Ġappun ma għamel l-ebda sforz biex jispara għall-missila iżda, waqt l-eqqel tal-kriżi, ħareġ twissija liċ-ċittadini f’Hokkaido biex ifittxu l-kenn qalb bini sodi.
Il-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in, ħareġ direttiva għal wirja ta’ saħħa militari kbira b’reazzjoni għall-prova tal-missila mill-ġar komunista, b’numru ta’ ajruplani ta’ pajjiżu, illum, jieħdu sehem f’eżerċizzju militari. Il-qawwiet tal-Korea t’Isfel u l-Istati Uniti għadhom kemm temmew eżerċizzju militari konġunt f’Hokkaido waqt li eżerċizzju militari annwali ieħor għadu għaddej fil-Korea t’Isfel fejn qegħdin jieħdu sehem eluf kbar ta’ suldati taż-żewġ alleati.
Il-Prim Ministru Ġappuniż, Abe, iddiskuta l-aħħar żviluppi flimkien mal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump u fejn qablu biex iżidu l-pressjoni fuq ir-reġim tal-Korea ta’ Fuq. L-Istati Uniti, fl-istess ħin, qalet li l-prova minn Pyongyang ma tirrappreżentax theddida għat-territorji tagħha iżda l-militar Amerikan qed jistinka biex jiġbor aktar informazzjoni sigrieta dwar iċ-ċirkustanzi tal-prova.
//= $special ?>

