Futbol Sport

UEFA – Mandzukic jirbaħ l-unur tal-aqwa gowl tal-istaġun

Il-mument li fih Mario Mandzukic skurja gowl mill-isbaħ biex ġab id-draw momentarju għat-tim tiegħu fil-finali taċ-Champions League f’Ġunju li għadda kontra Real Madrid

Il-gowl li bih Mario Mandzukic ta’ Juventus ġab id-draw momentarju għat-tim tiegħu fil-finali taċ-Champions League f’Ġunju li għadda kontra Real Madrid ġie vvutat bħala l-aqwa gowl tal-istaġun fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA.

Dakinhar il-Bianconeri tilfu 4-1 kontra Real Madrid li minn naħa tagħhom saru l-ewwel tim f’dawn l-aħħar 25 sena li ddefendew it-titlu li kienu rebħu sena qabel.

Real Madrid kienu marru fuq quddiem b’gowl tas-solitu Cristiano Ronaldo u fis-27 minuta Mandzukic ġab id-draw b’rovexxata mill-isbaħ wara li rċieva cross mingħand Alex Sandro.

L-andament fit-tieni taqsima kien ferm differenti minn dak tal-ewwel taqsima u Real Madrid skurjaw tliet darbiet oħra biex rebħu l-partita u aċċertaw mir-rebħ tat-12-il Champions League fl-istorja tagħhom.