Lokali

Żewġ ħaddiema Sirjani jweġġgħu wara li waqgħu minn għoli f’fabbrika li għadha qed tinbena fl-Imrieħel

Żewġ ħaddiema Sirjani weġġgħu wara li waqgħu minn għoli ta’ madwar disa’ metri waqt xogħol ta’ kostruzzjoni f’fabbrika li għadha qed tinbena fl-Imrieħel.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10.30am meta l-irġiel, ta’ 27 u ta’ 23 sena rispettivament, kienu qed jagħmlu xi xogħol u waqgħu mill-għoli. Jirriżulta li l-fabbrika li għadha qed tinbena hi tal-Consolidated Biscuits.

Fil-post issejħu l-Pulizija, tim mediku u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li taw l-ewwel għajnuna biex iż-żewġt irġiel setgħu jinħarġu mix-xaft li spiċċaw fih.

Huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura, bir-raġel ta’ 27 sena kien iċċertifikat li sofra feriti ħfief u dak ta’ 23 sena ċċertifikat li sofra feriti gravi.

Aktar investigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin.