Lokali

C-star ta’ Defend Europe rifjutata wkoll milli tidħol fi Franza

Hekk kif ġiet fi tmiemha l-missjoni tal-grupp estremist Defend Europe, il-bastiment C-star ġie rifjutat milli jitrakka f’żewġ portijiet fi Franza: Nizza u Tolouse. Dan wara rifjut minn prattikament kull pajjiż li ppruvaw jidħlu fih, inkluż it-Tuneżija, l-Italja, il-Greċja kif ukoll Malta.

Defend Europe hi missjoni ta’ din l-għaqda mhux governattiva li għandha l-għan li twaqqaf l-immigranti milli jaqsmu l-Mediterran u jaslu fl-Ewropa kif ukoll ifixklu lill-għaqdiet mhux governattivi l-oħra milli jsalvaw lil dawn l-immigranti.

Wara li ġew rifjutati minn Malta u l-Italja, il-membri ta’ Defend Europe għamlu talba biex jidħlu fi Franza iżda bdiet protesta, bl-għaqda mhux governattiva Tour citoyens! li fi ftit sigħat ġabret 2,300 firma biex l-awtoritajiet jirrifjutaw lil C-star.

Il-missjoni kellha tintemm wara li l-membri tal-ekwipaġġ abbord il-bastiment spiċċaw f’nofs ta’ baħar mingħajr pajjiżi lesti joffrulhom rifuġju. Wara li ħallew il-bastiment ‘il barra minn Malta, il-membri tal-ekwipaġġ daħlu f’pajjiżna u għamlu protesta kontra l-Gvern Malti.

Sal-bieraħ, il-bastiment kien għadu jidher ‘il barra minn pajjiżna, wieqaf fl-istess post, waqt li l-membri tal-ekwipaġġ irritornaw lura f’pajjiżhom, iżda mhux abbord dan il-bastiment li ġie rifjutat minn kull pajjiż.