Hekk kif il-ġimgħa li għaddiet sar l-ewwel dibattitu bejn l-erba’ kandidati għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, għada se jsir it-tieni u l-aħħar dibattitu bejn dawn il-kandidati qabel l-elezzjoni li fiha se jivvotaw l-kunsilliera tal-Kunsill Ġenerali. Dawn id-dibattiti kienu l-ewwel darba li f’elezzjoni ta’ Kap intlaqgħu l-kandidati kollha jiddibattu l-politika.
Dan id-dibattitu se jixxandar live fuq Net Television, Radio 101 u fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Partit Nazzjonalista fid-9 ta’ filgħaxija.
Is-Sibt 2 ta’ Settembru se ssir l-ewwel votazzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista, fejn fiha se jivvutaw membri tal-Kunsill Ġenerali. Huwa possibli li jivvutaw ukoll fit-3 ta’ Settembru. Dawn jammontaw għal madwar 1,500 vot u jinkludu Deputati, kandidati tal-Partit Kunsillieri Lokali, membri tal-fergħat, kif ukoll rapreżentanti tal-Kumitati Sezzjonali tal-Partit. S’issa diġa vvutaw il-Kunsillieri li ma setgħux jivvutaw is-Sibt li ġej. B’kollox ivvutaw 128 kunsillier.
Fuq il-ballot paper, il-Kunsillieri se jkollhom l-erba’ ismijiet tal-kandidati biex jintagħżel wieħed minnhom. Minn dawn se jgħaddu tnejn minnhom għall-elezzjoni fil-Konvenzjoni Ġenerali li se ssir fis-16 ta’ Settembru. Għal din l-elezzjoni se jivvutaw it-tesserati.
Il-proċess ta’ ġbir ta’ voti għal din l-elezzjoni jibda wara t-3 ta’ Settembru.
//= $special ?>

