Fid-dawl tal-istqarrija li ħareġ il-Partit Nazzjonalista aktar kmieni llum, sar kuntatt bejn il-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina u l-individwu msemmi mill-mezzi tax-xandir li suppost bagħat ittra dwar wieħed mill-kandidati għal Kap tal-Partit Nazzjonalista. Kif diġà ntqal, dan l-individwu ġie mistieden biex jibgħat din l-ittra fl-indirizz li ġie mogħti. Minkejja dan, l-ittra mingħand dan l-individwu baqgħet qatt ma waslet.
Sadanittant, il-President tal-Kunsill Amministrattiv irċieva email anonima b’allegazzjonijiet dwar il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr. Alex Perici Calascione. Din l-ittra minnufih ġiet mgħoddija lill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġieba Xierqa u Etika.
AKTAR QABEL: Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qed jiċħad rapporti fil-media tal-Partit Laburista, li lbieraħ rċieva ittra b’allegazzjonijiet dwar kandidat jew kandidati għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Ir-rapport tal-media tal-Partit Laburista jindika individwu li seta’ bagħat din l-ittra. Fil-minuti li għaddew, il-President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista prova jagħmel kuntatt ma’ dan l-individwu, iżda kull attentat ma rnexxiex. Il-Partit Nazzjonalista jistieden lill-individwu msemmi jew kwalunkwe individwu ieħor biex f’każ ta’ allegazzjonijiet serji fuq xi kandidat/i, dawn jintbagħtu minnufih.
Kif għamel tul il-proċess kollu, l-Partit Nazzjonalista se jkun trasparenti dwar dan il-proċess, mhux biss fost il-kandidati nfushom, iżda anke mal-media.
//= $special ?>