Qatt ma warrabt il-partit, speċjalment fil-mumenti d-diffiċli. Wara l-elezzjoni tal-2013, meta l-partit kien f’sitwazzjoni diffiċli bhalma hi tal-lum, iżda finanzjarjament aktar diffiċli, dħalt għal kariga ta’ Segretarju Ġenerali. Dakinhar ma kienx hemm kju ta’ nies li riedu dik il-kariga, imma dħalt għaliha għax ħassejt li kien dover tiegħi li nservi l-partit f’mument diffiċli.
L-ewwel deċiżjoni li ħadt kienet li ma nieħux paga bħala Segretarju Ġenerali. Għamilt sentejn inservi mingħajr ma ħadt ċenteżmu mill-partit. Mhux biss, iżda bħala l-uniku Direttur tal-kumpaniji tal-partit, kelli l-propjetà privata tiegħi garanzija għad-dejn tal-kumpaniji tal-partit. Kienet deċiżjoni diffiċli iżda li ħadtha għaliex ħassejt li kelli mmexxi b’eżempju.
F’sentejn waqqaft l-emorġaija finanzjarja u wittejt it-triq li tkompliet b’għaqal. Qal dan il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said meta kompla jiltaqa’ mal-kunsillier li s-Sibt se jivvota fl-elezzjoni għal Kap tal-partit.
Jekk irridu li l-Partit Nazzjonalista jqum fuq saqajh, irridu nkunu aħna li nxammru ‘l kmiem, nwarrbu mal-ġenb l-interessi personali tagħna u naħdmu għall-Partit Nazzjonalista.
Ħadd ma jaħslilna wiċċna biex inkunu aħjar minnu: l-avversarju politiku tagħna huwa l-Partit Laburista u huwa fl-interess ta’ Joseph Muscat, Chris Cardona u sħabhom illi l-Partit Nazzjonalista ikun mifni bi ġlied intern u li jagħlaq għajnejh, billi jsir kompliċi, fi tmexxija ħażina u korrotta, qal Chris Said.
Chris Said spjega kif jekk il-Partit Nazzjonalista jsir fotokopja tal-Labour, allura se nkunu qed inpaxxu lil Muscat u sħabu, għax imbagħad jgħaddu romblu minn fuq in-Nazzjonalisti u l-iskandli Panama u Egrant jindifnu darba għal dejjem. Il-poplu, n-Nazzjonalisti ma jixirqilhomx hekk.
Il-Partit Nazzjonalista ma jirbaħx l-elezzjoni billi jidħol fis-sodda mal-Labour imma billi jkollu tmexxija b’saħħitha u pożittiva li toħroġ bi proposti tajbin li bihom jiġġedded il-partit u l-pajjiż, saħaq Chris Said.
Intant, Chris Said irringrazzja lill-Kunsilliera tal-appoġġ tagħhom. M’għandix kliem biex nirringrazzjakom tal-fiduċja li qegħdin tagħtuni u tal-appoġġ tagħkom. Tinħass mewġa ta’ appoġġ għal tmexxija nadifa, serja, li tpoġġi l-interessi tal-Partit Nazzjonalista l-ewwel. Min-naha tiegħi nagħtikom kelmti li miegħi stennew bżulija, viżjoni, ħidma ma taqta’ xejn għaqda u fuq kollox integrita’. Jekk nitilfu ġieħna nitilfu kollox, temm jgħid Chris Said.
//= $special ?>