Il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione ppubblika l-programm tiegħu li se jkun qed jimplimenta – jekk jingħata l-fiduċja – mis-17 ta’ Settembru li ġej b’żewġ għanijiet prinċipali: dik li jgħaqqad il-Partit Nazzjonalista u biex il-Partit isir, mill-ġdid, rebbieħ.
Alex Perici Calascione spjega kif fl-aħħar ftit ġranet qabel il-vot fil-Kunsill Ġenerali, il-Kunsillieri jridu jisimgħu mill-kandidati l-viżjoni tagħhom, x’se jagħmlu malli jidħlu fl-uffiċċju tal-Kap u kif se jgħaqqdu u jrebbħu lill-Partit Nazzjonalista.
“Fl-aħħar sigħat qabel l-elezzjoni, intom il-Kunsillieri għandkom tisimgħu x’se nagħmlu mis-17 ta’ Settembru ‘l quddiem. Fuq il-proposti u l-viżjoni għandkom tivvutaw,” sostna Alex Perici Calascione.
Il-proposti ta’ Alex Perici Calascione jirriflettu l-esperjenza tiegħu fil-partit u jkopru sew l-aġġornament tal-politika kif ukoll l-aġġornament tal-istrutturi tal-Partit, bħall-Kumitati Sezzjonali, il-Fergħat, l-ELCOM, l-Uffiċċju Informazzjoni, l-Uffiċċju tas-Segretarju Ġenerali, l-AZAD, l-Uffiċċju tal-Kampanja Elettorali, kif ukoll u b’mod partikolari, l-media tal-Partit.
Il-proposti huma vasti u konkreti li jkomplu jibnu fuq ir-ristrutturar finanzjarju u organizzattiv li sar matul l-aħħar erba’ snin.
“Miegħi tafu fejn qegħdin,” qal Alex Perici Calascione. Filwaqt li tkellem mill-mument diffiċli li għaddej minnu l-Partit Nazzjonalista, hu sostna li issa hu l-mument li l-Kunsillieri jagħżlu b’mod sigur.
“Issa mhux żmien ir-riskji, irridu nagħżlu rasna mistrieħa li min se jmexxi l-Partit se jkun iffukat fuq ħidma bla waqfien, li tgħaqqadna u mill-ġdid trebbaħna,” temm jgħid Alex Perici Calascione.
//= $special ?>