“Se nibqa niġġieled biex is-sewwa jirbaħ żgur, kemm fil-Partit Nazzjonalista kif ukoll fil-pajjiż jekk ningħata l-privileġġ li mmexxi l-partit glorjuż tagħna.” Dan qalu Adrian Delia waqt laqgħa għall-kunsilliera u tesserati Nazzjonalsti li ħonqu l-każin ta’ San Ġwann.
Adrian Delia iringrazzja lil dawk kollha li bhalissa qed ituh sostenn u appoġġ hekk kif jidher ċar li hemm min ħakmu paniku kbir li l-Partit Nazzjonalista se jbiddel il-mod kif jitmexxa u ma jibqax jiddependi fuq ċertu nies li ma jriduhx jinfetaħ għal iżjed ideat, iżjed parteċipazzjoni u iżjed votanti.
“Hi ta’ tħassib kif minflok wrejna li aħna partit matur fl-għażla għal Kap il-ġdid, l-avversarji politiċi tagħna għamlu xalata bina minħabba l-attakki minn ġewwa u minn barra l-partit,” qal Adrian Delia. “Iżda dan ma jaqtalix qalbi għaliex il-kliem ta’ Eddie Fenech Adami jibqa jidwi f’widnejja li s-sewwa jirbaħ żgur u bhalma se jirbaħ fil-PN se jirbaħ ukoll fil-pajjiż meta l-Partit ta’ Joseph Muscat se jsib Oppożizzjoni qawwija kontra t-tmexxija maħmuġa li għaddejja bhalissa,” sostna Adrian Delia.
Hu ammetta li l-avvenimenti ta’ l-aħħar ftit siegħat kienu ta’ piż kbir fuqu waqt li rringrazzja lil martu Nickie, l-bqija tal-familja qraba u ħbieb għas-sosten li qed ituh f’dan il-mument. “Niskuża ruhi jekk weġġajt lil xi ħadd bi kliemi meta rreferejt għall-avversarji tagħna bhala għedewwa. Kien żball kkawżat mill-emmozzjoni li ħassejt meta ħriġt fl-intrata tad-Dar Ċentrali u sibt folla kbira tilqgħani biex ittini appoġġ. L-avversarji politiċi tagħna huma Maltin bhalna u qatt ma kelli nsejħilhom għedewwa. Nemmen li l-ewwel kwalita li għandu jkollu mexxej hi dik ta’ l-umilta u qatt ma jwebbes rasu jekk jgħaraf li żbalja.”
Waqt il-laqgħa fil-kazina ta’ San Ġwann, Adrian Delia ħeġġeġ lill-kunsilliera biex nhar is-Sibt jivvotaw għal mod ġdid kif għandu jitmexxa l-partit sabiex jerġa verament ikun partit rebbieħ.
//= $special ?>