Lokali

Simon Busuttil nominat mill-PE bħala membru ta’ Kumitat ta’ Esperti Ewropej – se jibqa’ Membru Parlamentari

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ġie nominat mill-Parlament Ewropew sabiex iservi bħala membru ta’ Kumitat ta’ Esperti Ewropej. 

Il-Kumitat, li huwa mwaqqaf mit-Trattat tal-Unjoni Ewropea, għandu l-funzjoni li jintervista u jagħti pariri fuq min għandu l-kompetenza li jservi bħala Imħallef tal-Qrati tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. 

Il-Kumitat huwa kompost minn seba’ membri esperti magħżula minn fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u jiltaqa’ madwar tmien darbiet fis-sena. 

Simon Busuttil ġie nominat mill-Parlament Ewropew biex iservi fuq dan il-Kumitat ta’ Esperti x-xahar li għadda wara li ħarġet l-aħbar li huwa rriżenja minn Kap tal-Partit Nazzjonalista. Il-ħatra tiegħu mistennija tidħol fis-seħħ minn Marzu tas-sena d-dieħla u ddum erba’ snin. In-nomina saret mill-Kumitat tal-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew u għad trid tiġi konfermata mill-plenarja tal-Parlament Ewropew. 

Il-Kumitat ta’ Esperti jiltaqa’ biss għal ftit laqgħat fis-sena u għaldaqstant Dr Busuttil se jibqa’ jservi bħala Membru tal-Parlament hawn Malta, fejn il-ġlieda kontra l-korruzzjoni se tibqa’ l-prijorita’ politika ewlenija tiegħu.