Jirriżulta li tmienja minn 20 kampjun ta’ bajd impurtat f’pajjiżna kellhom traċċi ta’ fipronil.
F’numru ta’ pajjiżi Ewropej, instabu prodotti tal-bajd bi traċċi ta’ din is-sustanza kimika. Min-naħa tiegħu, id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali f’Malta, tul il-ġimgħat li għaddew wettaq numru ta’ testijiet fuq kampjuni ta’ bajd impurtat, kif ukoll f’dak magħmul f’pajjiżna. Dawn il-kampjuni ntbagħtu f’Laboratorju akkreditat fil-Ġermanja.
Fi stqarrija tard ilbieraħ filgħaxija, il-Gvern qal li għalkemm l-użu ta’ din is-sustanza mhix permessibbli, l-ammonti li nstabu ma jlaħħqux livelli ta’ tossiċità. Madankollu, bħala prekawzjoni, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qed jirrakommanda li sakemm joħrog avviż ieħor, persuna ma tikkunsmax aktar minn żewġ bajdiet kuljum.
Il-Kummissjoni għas-Sigurtà tal-Ikel, id-Direttorat għas-Servizzi Veterinarji u d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali diġà ħadu passi biex is-sorsi fejn kien hemm bajd ikkontaminat jitwaqqfu milli jinbiegħu fis-suq lokali u li jsiru testijiet ulterjuri.
//= $special ?>