L-awtoritajiet tas-Serbja qed iħejju ittra lit-Tribunal tan-Nazzjonijiet Uniti f’The Hague li titratta l-kundizzjoni fiżika mwiegħra tal-eks Kap tal-Armata Serba-Bosnijaka, Ratko Mladic. L-ittra, fost oħrajn, mistennija titlob biex Mladic jingħata l-libertà fiċ-ċirkustanzi u ‘f’każ li jkun neċessarju’.
Ratko Mladic – imlaqqam ‘il-Bojja tal-Balkani’ għar-rwol tiegħu fil-gwerer tas-snin disgħin fl-eks-Jugoslavja – ilu jinżamm mit-Tribunal ta’ The Hague li jipproċessa r-reati tal-gwerra mindu hu kien ittrasferit lejn l-Olanda, f’Mejju tal-2011.
Mladic, li għandu 74 sena, ċaħad il-ħdax il-akkuża mressqa kontra tiegħu li jinkludu, fost oħrajn, responsabbiltà f’ġenoċidju, minbarra reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità.
Intant, kelliema għall-Gvern Serb qalu li l-Ministru għall-Ġustizzja, Nela Kuburovic, se tibgħat l-ittra lit-tribunal ‘fil-jiem li ġejjin’ fejn titlob il-kura xierqa għal Mladic, meta l-ekskap militari jinsab serjament marid. Il-Ministru qed tappoġġja wkoll it-talba tal-avukati ta’ Mladic biex ‘hu jinħeles għal żmien temporanju biex ikun jista’ ikun itrattat fis-Serbja’.
Dan meta s-Serbja lesta biex toffri l-garanziji kollha neċessarji f’sitwazzjonijiet ta’ dan it-tip.
F’Marzu, l-avukati ta’ Mladic sejħu biex hu jingħata l-libertà ħalli jgħaddi minn trattament ‘għal kundizzjonijiet li huma ta’ theddida għal ħajtu’. L-indikazzjonijiet huma li ‘sintomi ġodda’ li qed ibati bihom Mladic jistgħu jkunu relatati ma’ attakk tal-puplsija jew sintomi fil-qalb li kapaċi, ‘il quddiem, jirriżultawlu fatali.
//= $special ?>

