30 sena ta’ esperjenza fil-politika għallmuni prinċipju fundamentali li ġarrejtu miegħi f’kull kariga li kelli fil-Partit Nazzjonalista u fil-Gvern: ħadd mhu akbar mill-Partit.
Il-mument li tipprova tpoġġi lilek innifsek akbar mill-Partit, tkun qed taqleb ta’ taħt fuq il-prinċipju li persuna tkun fil-politika biex isservi u mhux biex tisserva. Meta jiġri hekk, ikun il-Partit li jbati.
Dan qalu l-Kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista u Shadow Minister Chris Said f’messaġġ lill-Kunsilliera tal-Kunsill Ġenerali, li se jivvotaw is-Sibt li ġej. Hu fakkar li politiku hu għasfur tal-passa, iżda l-Partit Nazzjonalista le.
Għax anke jekk tilef żewġ elezzjonijiet wara xulxin, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ Partit b’saħħtu u kbir. Id-dinja rota u jekk naħdmu b’għaqal, indawruha sakemm il-Partit jerġa’ jkun fil-Gvern.
Chris Said qal li waqt li l-Partit Nazzjonalista jinsab fil-proċess biex jagħżel Kap, il-Labour ta’ Muscat u Chris Cardona għaddejjin romblu minn fuq in-nies, mhux l-anqas minn fuq in-Nazzjonalisti. Iżda sostna li aħna ma nistgħux inħalluhom jibqgħu jagħmlu li jridu.
Hu kompla li Muscat u sħabu jridu li jdaħħluna kompliċi magħhom ħalli n-nuqqasijiet gravi tagħhom jinħbew. Iżda bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, fis-17 ta’ Settembru li ġej, nibda ħidma ma taqta’ xejn għall-Partit li għalih tajna u se nkomplu nagħtu saħħitna.
Filwaqt li rrikonoxxa li fil-Partit Nazzjonalista hemm affarijiet li mhux qed jaħdmu sew u jridu jingħataw il-ħajja mill-ġdid, Chris Said qal li s-soluzzjoni mhix li nbiegħu ruħna, iżda li nkunu serji u fejn hemm bżonn nirranġaw u nbiddlu għall-aħjar mingħajr ma nħallu lil-Labour jiddetta l-aġenda.
Magħqudin flimkien, bl-esperjenza li tgħaqqadna, insaħħu lill-Partit Nazzjonalista u nerġgħu nagħmluh rebbieħ, temm jgħid il-Kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said.
//= $special ?>