Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Theresa May se tikkontesta l-elezzjoni bħala Kap tal-Konservattivi

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May, għamlitha ċara li hi trid tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss bħala Kap tal-Partit Konservattiv fil-Gvern.

F’intervista li hi tat lil Sky News, Theresa May insistiet li ‘hi tinsab fil-politika għat-tul taż-żmien’, u li beħsiebha tmexxi lit-Tories fl-elezzjoni tal-2022. Hi kompliet li tinsab lesta għal dan l-impenn ‘minħabba l-isfida li qed jiffaċċja r-Renju Unit fis-snin li ġejjin’.

Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, intant, enfasizzat il-ħtieġa li pajjiżha ma jiżbaljax fil-proċess tal-Brexit (fejn joħroġ mill-Unjoni Ewropea) waqt li n-negozjaturi, f’Londra, jaċċertaw li jwasslu għall-aħjar ftehim li minnu jiggwadanja l-poplu Britanniku.

Sadattant, Theresa May irriferiet għall-ħtieġa li jaċċertaw li, ‘ladarba l-Britanniċi jitilqu mill-UE, ikun hemm Renju Unit globali li jkun qed jagħmel il-kummerċ madwar id-dinja, filwaqt li jżomm l-istatus għoli li għandu fuq livell internazzjonali’.

F’dan il-punt, May sostniet li m’hemm l-ebda dubju li hi ‘trid tiġġieled l-elezzjoni li jmiss għall-Konservattivi’ u wara rapporti, il-ġimgħa l-oħra, li hi kienet se tirriżenja minn Prim Ministru proprju ‘fl-aħħar ta’ Awwissu’.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Londra, sadattant, ċaħad għar-rapporti bħala ‘qlajjiet u spekulazzjoni’. Intant, l-idea li Theresa May, issa, trid tqatta’  ħames snin oħra bħala Kap tal-Konservattivi għandha, anki, tissorprendi wħud mid-deputati parlamentari tal-partit tagħha.

Dan meta hi, waqt intervista li kienet tat lil The Sun madwar xahrejn ilu, irrifjutat li timpenja ruħha biex tikkontesta l-elezzjoni li jmiss (tal-2022) bħala Mexxejja tal-Konservattivi.