Internazzjonali

L-Iżvezja: Pulizija attakkat fi Stokkolma…l-ebda indikazzjoni ta’ terroriżmu

 

Pulizija Żvediż spiċċa attakkat minn aggressur fi pjazza attiva ta’ Stokkolma u fejn sofra xi feriti f’għonqu u f’dahru.

L-aggressur, li kien armat b’sikkina, kien arrestat fuq il-post u mhemm xejn x’jindika li l-azzjoni kellha warajha xi ħsieb terroristiku. L-inċident seħħ qrib il-ħruġ minn subway fil-Pjazza ta’ Medborgarplatsen, fin-neighbourhood ta’ Sodermalm, bil-pulizija jagħmel xi żmien rikoverat, l-isptar, qabel intbagħat lejn id-dar.

Filwaqt li l-iskop wara l-attakk ma kienx ċar, ir-rapporti qalu li l-aggressur avviċina lill-pulizija ‘minn wara’, bil-kelliema għall-Korp, maż-żmien, jirrepetu li mhemm l-ebda sinjal ‘ovvju’ ta’ terroriżmu anki jekk l-attakk seħħ mingħajr l-ebda provokazzjoni.

Sadanittant, il-pulizija fi Stokkolma ħarġet stqarrija bies tgħid li nfetħet investigazzjoni preliminarja dwar attentat ta’ qtil volontarju.

L-inċident seħħ kważi ħames xhur wara li raġel mill-Użbekistan, li kien qed ifittex il-kenn politiku, saq trakk għal ġo folla ta’ xerrejja fi Stokkolma, fejn spiċċa joqtol ħames persuni, inkluża tifla ta’ 11 il-sena.