Elezzjoni Kap PN Lokali

Segwi l-ewwel reazzjonijiet tal-Kap tal-PN Simon Busuttil u ta’ Adrian Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil iddikjara li kieku hu kellu akkużi daqstant serji daqs dawk li qed jaffaċċja il-kandidat tal-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, hu kien jirtira mill-elezzjoni tiegħu.

Simon Busuttil qal dan f’dikjarazzjoni lill-midja malli ġie ppreżentat ir-rapport tal-Kumitat Konsultattiv dwar Imġieba Xierqa u Etika u li fid-dawl tiegħu ħarġet rakkomandazzjoni mill-Kunsill Amministrattiv li Adrian Delia għandu jirrikunsidra l-pożizzjoni tiegħu.

Iktar kmieni, fl-ewwel reazzjoni tiegħu, Adrian Delia ddikjara li hu se jkompli bin-nomina tiegħu għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista ladarba r-rapport tal-Kumitat Konsultattiv ma sab xejn kontrih.

Dan fid-dawl li r-rapport tal-Kumitat Konsultattiv ma sab xejn kontrih u rrimarka li dan irrakkomanda li għall-ġejjieni f’każi simili l-organi tal-Partit Nazzjonalista għandhom jagħmlu aċċertamenti meħtieġa qabel tibda s-sejħa uffiċjali għan-nominazzjonijiet.

Rakkomandazzjoni oħra hi wkoll li l-eletturi għandhom il-libertà sħiħa li jeleġġu l-kandidati. Fid-dawl ta’ dan, Adrian Delia qal li hu ċar li l-estabilishment tal-Partit Nazzjonalista ma jridux.

Ipponta lejn ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill Amministrattiv li għandu jirrikunsidra l-pożizzjoni tiegħu u qal li dan ma kienx suġġeriment tal-Kumitat Konsultattiv li dan qal li la widdbu u lanqas talab xi tip ta’ azzjoni fil-konfront tiegħu.