Ewropa Internazzjonali

Tintemm fażi oħra tat-taħditiet dwar Brexit mingħajr progress

David Davis

It-tielet round tat-taħditiet dwar il-Brexit, il-Ħamis, ikkonkludew fi Brussell mingħajr progress deċiżiv u fejn spikkat, mill-ġdid it-tensjoni bejn ir-Renju Unit u l-UE.
It-taħditiet kienu konklużi min-negozjatur ewlieni tal-Unjoni, Michel Barnier, u s-Segretarju tar-Renju Unit għall-Brexit, David Davis (ritratt). Dan meta ż-żewġ naħat qed jakkużaw lil xulxin ‘b’li qed itellfu l-progress minbarra li qegħdin anki jipperikolaw il-proċess għall-Brexit’.
Barnier qal li n-negozjati għadhom ’il bogħod mill-punt li jippermetti għal taħditiet dwar ftehim kummerċjali futuri. Hu kompla li hemm ukoll ‘kwistjonijiet ta’ fiduċja’ bejn in-naħat, iżda Davis, min-naħa tiegħu, ħeġġeġ biex l-UE ‘tkun aktar immaġinattiva u flessibbli fl-atteġġjament tagħha’.
Filwaqt li t-taħditiet, s’issa, kienu tekniċi għall-aħħar, ma sar l-ebda progress sinifikanti rigward l-issues bażiċi– f’dan il-każ, id-drittijiet taċ-ċittadin; il-fruntiera ta’ bejn l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq u l-ftehim finanzjaru għall-Brexit.
Sadattant, il-Mexxejja tal-UE, waqt summit li se jsir bejn id-19 u l-20 ta’ Ottubru, għandhom jevalwaw il-progress li jista’ jsir sa dak iż-żmien, waqt li jiddeċiedu jekk jiftħux taħditiet dwar il-futur tar-relazzjoni bejn Londra u Brussell.
Ir-Renju Unit, mill-banda l-oħra, qed tinsisti biex it-tieni fażi tat-taħditiet ma’ Brussell tibda mill-aktar fis, b’Londra, fost oħrajn, qed takkuża lill-UE dwar ‘aġir riġidu’.