L-Arċisqof Charles J. Scicluna waqqaf mill-ġdid il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u ħatar lill-Perit Daniel Darmanin bħala President tal-Kummissjoni għall-perjodu ta’ tliet snin.
Il-Perit Darmanin, li għandu 33 sena, studja fl-Università ta’ Malta u kompla l-istudju tiegħu fl-Università ta’ Loyola, Chicago, l-Istati Uniti, fejn kiseb Masters fil-Ġustizzja Soċjali u l-Iżvilupp tal-Komunità.
Il-membri tal-Kummissjoni jinkludu lis-Sur Walance Buttigieg Scicluna, Dr Katrine Camilleri, Fr Mark Cachia SJ, Dr John Paul Cauchi, is-Sinj. Maria Vella u l-Perit Simone Vella Lenicker. Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi ser taħdem ma’ persuni ta’ rieda tajba favur soċjetà aktar ġusta, fejn id-drittijiet ta’ kulħadd jiġu rrispettati u fejn kulħadd jgħix b’dinjità u fil-paċi.
Se tagħmel dan permezz ta’ riflessjoni u analiżi, u billi ssemma’ leħinha dwar kwistjonijiet li jolqtu d-drittijiet tal-bniedem u l-kwalità tal-ħajja, u taħdem biex toħloq għarfien akbar tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja.
Il-Kummissjoni ser tkun qiegħda tgħin ukoll lill-Knisja lokali biex tkompli tagħti l-kontribut tagħha favur soċjetà li tirrispetta d-dinjità tal-bniedem, filwaqt li tħeġġeġ lill-Poplu ta’ Alla sabiex jgħix is-solidarjetà b’mod prattiku.
//= $special ?>