Lokali

BirdLife Malta titlob laqgħa urġenti tal-Ornis

Il-BirdLife Malta qalet li kuntrarju għal dak li ntqal fl-istqarrija li ħareġ nhar it-Tlieta l-Ministeru għall-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima biex jirrispondi għall-konferenza tal-aħbarijiet ta’ BirdLife Malta, għadha ma rċeviet l-ebda komunikazzjoni min-naħa tal-Gvern dwar il-Kumitat Ornis u ma ġietx notifikata uffiċjalment li dan il-Kumitat reġa’ ġie appuntat.

Dan ifisser, qalet BirdLife Malta, li minkejja li l-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa fetaħ, s’issa għadha ma ssejħet l-ebda laqgħa tal-Ornis biex kif isir is-soltu jiġi diskuss pjan ta’ infurzar għall-istaġun.

Wara li nhar it-Tlieta filgħodu f’ittra miftuħa lill-Prim Ministru Joseph Muscat u aktar tard f’konferenza stampa quddiem Kastilja, BirdLife Malta lmentat li l- Kumitat Ornis kien għadu ma ġiex appuntat minn wara l-elezzjoni ġenerali minkejja li wasal biex jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa, il-Gvern fi stqarrija wieġeb li l-Bord tal-Ornis hu uffiċjalment approvat u żied jgħid li l-membri kienu qed jiġunotifikati b’dan qabel jiftaġħ l-istaġun.

Il-Ministru responsabbli mill-ambjent fl-istqarrija kien qal ukoll li se jkun qed jiltaqa’ ma’ dan il-Kumitat u assigura li l-istaġun tal-kaċċa tal-ħarifa ta’ din is-sena se jkun regolat mill-Ornis bħal kull staġun ieħor.

BirdLife Malta qalet ilbieraħ li ma ġietx notifikata u ma ġiet imsejħa ghall-ebda laqgħa tal-Ornis kif dejjem kien isir qabel il-ftuħ ta’ kull staġun tal-kaċċa. L-aħħar laqgħa tal-Kumitat Ornis saret f’Mejju li għadda.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife, Malta Mark Sultana, ilbieraħ reġa’ kiteb lill-Gvern, din id-darba direttament lill-Ministru Herrera, fejn sejjaħ biex kemm jista’ jkun malajr dan il-Kumitat jitlaqqa’ kif normalment isir biex jiddiskuti s-sitwazzjoni attwali tal-kaċċa u jippjana l-infurzar għal dan l-istaġun.

Mark Sultana spjega li BirdLife Malta hi inkwetata għax dan jagħti l-impressjoni li l-Gvern mhux qed jieħu l-infurzar tal-liġijiet ambjentali bis-serjetà u jibgħat il-messaġġ lil dawk li normalment jiksru l-ligi, li m’għandhomx għalfejn jibżgħu li se jinqabdu.

Dan, fissret BirdLife Malta, iwassal għal żieda fil-kaċċa illegali u fl-abbużi tul l-istaġun li kull sena qed jintuża bħala paraventu biex kaċċaturi jisparaw illegalment fuq tajr protett.

Semmiet kif minn nhar it-Tlieta ’l hawn, il-każi ta’ abbuż komplew jiżdiedu b’diversi rapporti ta’ kaċċa fuq il-baħar fuq Fjamingi minn fuq powerboats f’Ghawdex. Dan seħħ meta diversi qtajja’ ta’ dawn l-għasafar ġew osservati jpassu tul il-kosta b’qatgħa minnhom iffurmata minn madwar 300 Fjamingu tiġi osservata fuq Kemmuna.

Każi oħrajn ta’ abbuż kienu rappurtati li seħħew f’Ras il-Wardija, f’Għawdex, fil-Fawwara, f’Ħaż-Żabbar, f’Delimara u f’Ħad-Dingli.

L-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa jibqa’ miftuh għal ħames xhur sħaħ sal-31 ta’ Jannar 2018, u hija permessa kaċċa fuq 40 speċi differenti. F’Malta hu stmat li hawn madwar 10,000 kaċċatur liċenzjat.

Birdlife Malta qalet li Malta għandha l-ogħla densità ta’ kaċċaturi minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.