Lokali

Erba’ proposti sabiex l-impenn favur is-siġar ikun sostnut – Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent ippubblikat erba’ proposti sabiex l-impenn favur is-siġar ikun sostnut, u filwaqt li nnutat b’sodisfazzjon li l-Gvern se jibda kampanja ta’ tħawwil ta’ siġar, appellat biex jiżdiedu z-zoni li fihom issir l-afforestazzjoni.

Sabiex l-impenn favur is-siġar ikun sostnut, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA)  issuġġerixxiet:

  ● It-taħwil ta’ siġar ikun inkluż fil-bini tat-toroq li se jkunu mibnija mill-ġdid matul is-seba’ snin li ġejjin skont il-pjan tal-Gvern ta’ €700 miljun
  ● Jitħawlu siġar f’ambjenti urbani u tiġi emendata l-Ordni dwar in-Notifikazzjoni tal-Iżvilupp
  ● L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi għandha tħejji lista ta’ siti f’zoni urbani li jinkludu siġar li jagħtu karattru speċjali lil dawn is-siti.
  ● Jitwarrab il-proġett tal-korsa tal-karozzi f’Ta’ Qali, u minflok jitħawlu iktar siġar biex jissaħħaħ il-karattru ta’ din il-medda ta’ art bħala art għar-rikreazzjoni

Il-KA fissret li minbarra t-tifsira metaforika li jista’ jkollhom, is-siġar huma ta’ ġid kbir għall-umanità kollha. Il-kontribut tagħhom għal għajxien aħjar imur lil hinn mill-ispirazzjoni li joffru lill-poeti, artisti u mużicisti ta’ kull żmien.

Minbarra li jipprovdu l-materja prima għal għadd ta’ prodotti, huma indispensabbli biex titnaddaf l-arja mill-gassijiet velenużi u minn tniġġis ieħor, joħolqu ambjent frisk u lqugħ mix-xemx, l-aktar fis-sajf, u spazju rikreattiv fejn kulhadd jista’ jgawdi s-sbuħija tan-natura kemm fl-ambjent rurali kif ukoll f’dak urban.

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tinnota b’sodisfazzjon li l-Gvern se jibda kampanja ta’ tħawwil ta’ siġar f’Kemmuna u f’partijiet oħra tal-gżejjer Maltin. Din id-deċiżjoni hija ta’ min ifaħħarha. Il-KA tittama u tawgura li l-Gvern mhux biss iżomm, imma jsaħħaħ l-impenn tiegħu f’dan ir-rigward, u li jimpenja l-aktar nies kwalifikati fil-qasam. Il-KA tittama wkoll li jiżdiedu z-zoni li fihom issir l-afforestazzjoni.
 
Siġar fil-bini tat-toroq
Il-KA tinnota li l-Gvern nieda proġett kbir ta’ rikostruzzjoni tat-toroq. Hija tappella lill-awtoritajiet li jaraw li jsir minn kollox biex it-taħwil tas-siġar ikun integrat fid-disinn tat-triq, fejn dan ikun teknikament possibbli. Jeżistu toroq wisgħin biżżejjed li jippermettu li jiddaħħlu s-siġar.
Hemm diversi speċi ta’ siġar li huma adatti għal dawn it-toroq. F’pajjiżna hawn għadd ta’ nies professjonali li żgur huma kapaċi jgħinu lill-awtoritajiet jagħmlu l-aħjar għażliet f’dan il-rigward. Fl-istess ħin nappellaw lil Transport Malta li ma tqisx it-toroq sempliċiment bħala passaġġ għall-karozzi, imma żżomm f’moħħha li dawn jintużaw min-nies li, għall-ġid ta’ saħħithom, jeħtieġ jibqgħu f’kuntatt man-natura, anki fl-ambjent urban.
 
Siġar f’ambjenti urbani
Ilha żmien issir il-ħsara lis-siġar fl-ambjent urban. Għal żmien twil ilhom jiġu meqjusa bħala xkiel għall-progetti, kemm pubbliċi kif ukoll privati. Għalkemm wieħed jifhem li f’ċerti każi, ma jkunx hemm għażla oħra għajr li jitneħħew, il-KA mhix konvinta li jkun sar dak kollu possibbli biex is-siġar fiz-zoni urbani jkunu mħarsa.

Il-maġġoranza tal-poplu Malti tgħix f’ambjent urban. Is-siġar fl-ambjent urban għandhom impatt dirett, immedjat u intimu fuq ir-residenti f’dawn iz-zoni. Kif inhi l-liġi bħalissa, l-Ordni dwar in-Notifikazzjoni Dwar Żvilupp (DNO) tippermetti li jsir żvilupp bi ftit li xejn ħtieġa ta’ notifika lill-Awtorità tal-Ippjanar, bir-riżultat li s-siġar f’zoni urbani jistgħu jitneħħew mingħajr il-ħtieġa li tiġi ppreżentata evidenza li jkun sar minn kollox biex dawn is-siġar jiġu salvati.

Id-DNO tgħid ċar u tond li l-bini, alterazzjoni u rranġar ta’ toroq minn entitajiet tal-Gvern u mill-kunsilli lokali jistgħu isiru mingħajr il-ħtieġa ta’ avviż lill-Awtorità tal-Ippjanar.
Hemm xi ċirkostanzi fejn ikun meħtieġ permess jew notifika lill-awtoritajiet, imma mhux fil-każ tat-tneħħija tas-sigar, sakemm dawn ma jkunux imħarsa taħt ir-Regolamenti dwar il-Ħarsien tas-Siġar u l-Imsaġar tal-2011.

Skont dawn ir-regolamenti, għalkemm ċerti siġar huma protetti f’kull lokalità, hemm oħrajn li huma protetti biss jekk ikunu f’zoni mħarsa jew barra z-zoni tal-iżvilupp.

Fuq kollox teżisti distinzjoni bejn siġar li jinsabu f’Zoni ta’ Konservazzjoni Urbana u għalhekk huma protetti, u l-istess speċi ta’ siġar li, għalkemm ikunu f’zoni urbani, ma jkunux protetti għax ikunu barra z-Zona ta’ Konservazzjoni Urbana. Hemm nies li jgħixu f’Zoni ta’ Konservazzjoni Urbana, imma hemm ukoll ħafna li jgħixu barra dawn l-inħawi imma xorta jgħixu f’ambjent mibni. L-importanza tas-siġar għall-komunità ma tiddependix fuq jekk ikunux imħawla f’Zoni ta’ Konservazzjoni Urbana jew le. Saħansitra s-siġar imħawla f’ġonna kbar privati f’zoni urbani huma daqstant importanti, għax iservu ta’ pulmun għal dawn iz-zoni. Jeħtieġ li dan ikun rikonoxxut kemm mil-liġi kif ukoll mill-policies tal-ippjanar u mill-pjani lokali.
 
Siti protetti
Jeżistu siti fil-pajjiż fejn jikbru għadd kbir ta’ siġar. Iżda dawn mhumiex protetti minħabba li l-Ordni dwar in-Notifikazzjoni dwar l-Iżvilupp (DNO) tippermetti li s-siġar jistgħu jitneħħew mingħajr ma jkun hemm proċess rigoruż ta’ ppjanar Ii jinkludi il-konsultazzjoni pubblika. Siti bħal dawn la huma f’Zoni ta’ Konservazzjoni Urbana u lanqas f’zoni mħarsa jew f’oqsma li huma ’l barra miz-zoni taI-iżvilupp (ODZ).
Hawn insibu linji ta’ siġar kbar fuq iż-żewġ naħat tat-triq li jipprovdu għata xejn komuni fil-pajjiż, speċjalment f’zoni urbani. Siġar bħal dawn jipprovdu marka prominenti li tagħti lil dawn it-toroq il-karattru speċjali tagħhom. Siti bħal dawn ma jgawdu minn ebda protezzjoni, u għalhekk inħeġġu lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tħejji lista ta’ dawn is-siti ħalli jkunu mħarsa taħt ir-Regolamenti Dwar il-Ħarsien tas-Siġar u l-Imsaġar 2011.
 
Aktar siġar f’Ta’ Qali
Ta’ Qali hu medda kbira ta’ art iddedikata għar-rikreazzjoni. Hawnhekk kienu tħawlu ħafna siġar li llum kibru u jilqgħu taħthom eluf ta’ familji Maltin li jmorru jgawdu ftit nifs ta’ arja, paċi u kwiet. Iżda l-Gvern għandu l-ħsieb li japprova jew jibni korsa tal-karozzi f’dan is-sit.

Il-KA tappella lill-Gvern biex jerġa’ lura minn dan il-pjan. Ta’ Qali għandu jiġi mħares bħala zona ewlenija ta’ rikreazzjoni qalb is-siġar u n-natura għall-familji. Kien ġie rrappurtat li l-għażla tas-sit f’Ta’ Qali saret minħabba li dan is-sit kien dak li l-aktar ġab punti meta mqabbel ma’ siti oħra. Iżda jidher li f’dan il-proċess ta’ għażla, xejn ma ġie ikkunsidrat l-impatt li dan il-proġett jista’ jkollu fuq il-karattru ta’ din iz-zona ta’ rikreazzjoni.

L-argument li dan il-proġett se jkollu aspetti “edukattivi” ma jiġġustifikahx. Ta’ Qali hu zona li għandha l-potenzjal li jitħawlu fiha ħafna iktar siġar biex jissaħħaħ l-aspett rikreattiv tagħha għall-familji kollha Maltin. Iktar siġar f’Ta’ Qali jgħinu biex jikber il-kuntatt man-natura li ħafna familji Maltin huma mċaħħda minnu.

Il-KA tawgura li f’dan iż-żmien matul is-sena, meta l-kura tal-Ħolqien tingħata aktar prijorità mis-soltu, l-awtoritajiet konċernati jieħdu l-appelli tagħha bis-serjetà, għall-ġid komuni.