Elezzjoni Kap PN Lokali

Establishment wieħed: Il-klikka ta’ Kastilja

Jeżisti establishment wieħed biss fil-pajjiż u dan jinsab kastilja, magħmul minn Joseph Muscat, Chris Cardona, Konrad Mizzi u Keith il-Kasco. Dan hu l-establishment li bħala Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista se nkun qed niġġieled. Lil dawn irridu niġġieldu u mhux lin-Nazzjonalisti ġenwini u tal-affari tagħhom. Min ilhu jaħdem u jistinka fil-PN, min ta saħħtu għall-partit, min ħadem għas-sewwa fi ħdan il-partit dawk huma nies li fuqhom irridu nkomplu nibnu, mhux narmuhom jew insejħulhom establishment. Dan qalu l-kandidat għal Kap tal-PN Chris Said waqt id-dibattitu bejn il-kandidati għal Kap tal-PN il-Ħamis filgħaxija fuq NET TV

Bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista se nkun qed noħroġ l-id tal-ħbiberija lil dawk li, kif għandhom dritt jagħmlu, qed jagħtu appoġġ lil xi kandidat iehor, saħaq Chris Said, li spjega kif bih bħala Kap posthom hu fil-Partit Nazzjonalista.

Mistoqsi dwar ir-riżultat f’Għawdex, Chris Said spjega kif lejlet l-elezzjoni l-Labour infexx f’dagħdigħa ta’ impjiegi mal-Gvern. Semma kif f’bajja f’Għawdex minn ħaddiem wieħed, intbagħtu sebgħa. Bħala Kap tal-Oppożizzjoni se nressaq emendi biex nagħmilha diffiċli ħafna li din l-istorja terġa’ tirrepeti ruħha, qal Chris Said.

Chris Said spjega kif hu dejjem refa’ r-responsabbilta’ politika. Meta kien se jinfetaħ każ kontra tiegħi, fuq proċedura legali ta’ meta kont avukat, irriżenjajt minn Segretarju Parlamentari.

Chris Said spjega kif dejjem poġġa lill-Partit Nazzjonalista qabel l-interess personali tiegħu. Spjega kif bħala Segretarju Ġenerali full time, għamel sentejn sħaħ ma jieħux paga u saħansitra kellu l-propjetà privata tiegħu garanzija għad-dejn tal-kumpaniji tal-partit, riskju kbir li ħadtu għall-ġid tal-partit, temm jgħid Chris Said.