Futbol Sport

Ir-riżultat finali kiefer mat-tim Malti

Ryan Fenech u Bjorn Kristensen isegwu lil Raheem Sterling (Ritratt: Martin Agius)

MALTA…………….0

INGILTERRA………4

Malta: A. Hogg, S. Borg, S. Magri, A. Agius, Z. Muscat, J. Zerafa (R. Camilleri 75’), B. Kristensen, R. Fenech (P. Fenech 83’), S. Pisani, A. Schembri (M. Mifsud 86’), J.P. Farrugia

Ingilterra: J. Hart, K. Walker, P. Jones, G. Cahill, R. Bertrand, J. Henderson, J. Livermore, A. Oxlade-Chamberlain (D. Welbeck 76’), D. Alli (J. Vardy 69’), R. Sterling (M. Rashford 46’), H. Kane

Skorjaw: H. Kane 52’, 92’, R. Bertrand 85’, D. Welbeck 90’ (I)

Referee: Artur Dias (Portugall)

Assistent Referees: Rui Tavares, Paulo Soares (Portugall)

Attendenza: 16,994

Tliet gowls lejn it-tmiem wassal għal riżultat kiefer mat-tim nazzjonali Malti li safa’ megħlub mill-Ingilterra 4-0. Fil-limitazzjonijiet tagħhom, it-tim Malti offra oppożizzjoni denja ma’ tim fost l-aqwa fl-ewropa, iżda kollass fl-aħħar minuti wassal għal riżultat iebes.

Il-kowċ Southgate spiċċa kuntent bir-riżultat finali, iżda żgur li ma kienx kuntent bl-andament tal-logħba hekk kif sal-84 minuta, it-tim Ingliż kien biss gowl minn fuq kontra tim modest fil-futbol Ewropew. Mertu wkoll għat-tim Malti li taħt id-dixxiplina tattika ta’ Pietro Ghedin ftit ta ċans lill-Ingliżi li joħolqu perikli serji.

Partita tajba għal diversi plejers Maltin b’Joseph Zerafa jkun fost l-aħjar sakemm kellu jinbidel. Partita tajba wkoll għad-difensuri l-oħra kollha li rażżnu l-veloċità u s-saħħa avversarja. Għat-tim Ingliż spikka l-aktar Dele Alli li kien ta’ periklu kontinwu f’pożizzjoni ċentrali wara l-attakk.

Dan ir-riżultat iħalli lit-tim Ingliż fil-quċċata ta’ Grupp F bi 17-il punt minn seba’ logħbiet, tnejn aktar mis-Slovakkja li jilagħbu kontrihom it-Tnejn li ġej. Fin-naħa ta’ isfel, it-tim Malti baqa’ mingħajr punt wara’ seba’ partiti b’żewġ gowls skorjati. It-Tnejn ukoll, it-tim Malti jiltaqa’ f’Hampden Park kontra l-Iskozja.

Kien it-tim Malti li ħoloq l-ewwel periklu wara tliet minuti b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Ryan Fenech li għadda ftit għoli. Reazzjoni mill-Ingilterra li minuta wara resqu qrib il-gowl tal-vantaġġ. Kien kross mil-lemin ta’ Dele Alli li sab fil-kaxxa lil Harry Kane li għola u indirizza l-lasta b’daqqa ta’ ras stupenda, iżda Andrew Hogg kien daqstant ieħor preparat u salva b’riflessi kbar.

Il-logħba żvolġiet f’nofs il-grawnd bit-tim Ingliż ikollu dominanza assoluta territorjalment iżda ma kinux perikolużi lejn il-lasta Maltija, bl-unika xutt sa tmiem it-taqsima, jasal biss ftit qabel il-mistrieħ b’xutt fil-baxx ta’ Dele Alli li kien salvat minn Andrew Hogg.

Il-kowċ Ingliż Gareth Southgate daħħal lil Marcus Rashford flok Raheem Sterling bl-għan li jattakka aktar l-ispazji. It-tim Malti ħoloq okkażjoni tajba fil-50 minuta, b’Zerafa jikkrossja tajjeb lejn Andrè Schembri li kkontrolla tajjeb u spara xutt b’saħħtu fil-baxx li għadda ftit barra.

It-tim Ingliż fetaħ l-iskor żewġ minuti wara. Sam Magri biegħed parzjalment kross, il-ballun spiċċa għand Oxlade-Chamberlain li qassam lil Dele Alli, bil-plejer ta’ Tottenham jieħu vantaġġ mill-pożizzjoni difensiva tat-tim Malti, u wara finta qassam tajjeb lil Harry KANE li b’xutt b’saħħtu fil-baxx għeleb lil Andrew Hogg.

Reazzjoni mit-tim Malti li fis-57 minuta reġa’ ttanta xortih b’xutt djagonali fil-baxx tad-difensur Sam Magri li wkoll għadda ftit barra.

Harry Kane reġa’ prova b’konklużjoni b’saħħitha din id-darba minn barra l-kaxxa, iżda Hogg kien attent u blokka tajjeb. L-Ingilterra bdew ifittxu li jagħlqu l-logħba u fit-72 minuta s-sostitut Jamie Vardu prova jħalli impatt istanti meta rċieva ballun fl-ispazju u prova minn pożizzjoni angolata, iżda t-tentattiv għadda barra.

Huma rnexxielhom jagħlqu l-logħba ħames minuti fit-tmiem meta kien Ryan BERTRAND li skorja b’xutt mid-distanza għar-rokna, f’azzjoni li Andrew Hogg ċertament li seta’ jagħmel aħjar. Welbeck seta’ għamilhom tlieta fid-90 minuta meta falla ċans minn quddiem il-lasta, iżda ftit sekondi wara, l-istess Danny WELBECK għamilhom 3-0 meta rċieva ballun tajjeb mingħand Kane, antiċipa l-ħarġa difettuża ta’ Hogg u skorja f’lasta vojta.

It-tim Malti waqaf kompletament u l-Ingliżi ma ħafrux hekk kif fit-92 minuta, skorjaw ir-raba’’ gowl, b’Marcus Rashford jitfa’ kross mil-lemin wara d-difiża Maltija, b’Harry KANE jkollu ċ-ċans li jikkontrolla u jegħleb lil Hogg.