Elezzjoni Kap PN Lokali

Jekk niġi elett Kap tal-Partit Nazzjonalista se nwettaq Rivoluzzjoni Permanenti – Adrian Delia

Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, f’artiklu ppublikat fil-ġurnali dalgħodu qal li l-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista għada għadhom responsabbiltà jiddeċiedu l-futur tal-Partit Nazzjonalista. Dr Delia fl-artiklu qal li, “Il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista għada se jkunu qed jiddeċiedu permezz tal-vot tagħhom lil min mill-kontestanti għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista għandu jgħaddi għat-tieni fażi ta’ din l-elezzjoni. Din kienet kampanja elettorali twila fl-eqqel tas-sajf li kkaratterizzat dak li verament għandu jinbidel fil-Partit Nazzjonalista, jekk l-istess Partit irid li jagħti nifs ġdid lilu nniffsu biex ikun jista jerġa’ jirbaħ.”

Qal li hu safa vittma ta’ assasinju tal-karattru, minn nies li jridu li l-Partit Nazzjonalista jkompli għaddej bl-istess ritmu u strateġija, li wasslu biex l-istess Partit jitlef erba’ mill-akbar telfiet ellettorali konsekuttivi, bl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew inklużi.

Adrian Delia spjega li għax hu ġej minn barra l-istrutturi tal-Partit u minħabba li qed jwiegħed Mod Ġdid ta’ tmexxija, donnu kien hemm min idejjaq u l-pajjiż kien espost għal ħames ġimgħat ta’ vjolenza verbali, ġlied intern u tattiċi minn wara l-kwinti minn Partit li kien bastun tat-tama, demokrazija u l-libertà tal-assoċjazzjoni. 

Qal li jixtieq iwettaq bidla b’enerġija u ri-invenzjoni tal-politika tal-Partit Nazzjonalista għax din hija l-unika triq ‘il quddiem. Nieħdu bħala eżempju l-edukazzjoni – l-edukaturi jiddejqu meta jisimgħu lill-politiċi jitkellmu fuq riforma, u bir-raġun. Dan għaliex huma għajjenin mit-trasformazzjonijiet fis-sistema li seħħew matul is-snin, tant li l-isforzi tagħhom ma tawhomx ir-riżultati li xtaqu, jew f’ċertu każijiet, ir-rizultati kienu katastrofiċi. Minkejja dan, Adrian Delia qal li ma nistgħux naqtgħu qalbna.

Qal li sal-ġurnata tal-lum, porzjon żgħir wisq mill-istudenti tagħna jkomplu bl-eduzzjoni terzjarja. Wisq żgħażagħ jitilqu mil-iskejjel tagħna bil-kemm literati u qed nipproduċu ftit wisq xjentisti, matematiċisti u xjentisti socjali. Ftit wisq riċerkaturi u persuni li għandhom Dottorat. Sal-lum, is-soċjetà tagħna għadha ssibba diffiċli biex tifhem ċertu nozzjonijiet bażiċi, u dan jista’ jinbidel biss bl-edukazzjoni u li nibnu soċjetà bbażata fuq il-kultura nazzjonali, il-kompassjoni u r-responsabbiltà.

Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li f’25 sena fil-Gvern bħala Partit Nazzjonalista għamilna passi kbar. Trasformajna l-mod ta’ kif il-persuni jħarsu lejn it-tagħlim, iżda fadal ħafna xi jsir. Jekk irriddu nsolvu il-problemi tagħna, rridu naffaċċjawhom u nifmuhom. 

L-għalliema tagħna huma imħallsin ftit wisq, bla riżorsi, mingħajr taħriġ xieraq u mħaddmin iżżejjed. Jaħdmu siegħat twal ta’ servizz għal salarji imbarazzanti. Biex ilaħħqu mal-ħajja, qed ikollhom jagħmlu lezzjonijiet supplimentari, biex ironikament jagħmlu tajjeb għan-nuqqasijiet u l-limitazzjonijiet tas-sistema edukattiva tagħna. 

Żied jgħid li bħala persuna li qed jaspira li jkun Prim Ministru, mistenni nagħti d-dettalji kollha, inkluż bi pjan u budget ta’ kif beħsiebni nwettaq dawn il-bidliet. Qal li hekk se jagħmel u se jkun qed jagħti d-dettalji ta’ kif se jkun qed jindirizza din il-problema fost l-oħrajn, liema pjan jinkludi li l-finanzi tal-pajjiz jingħataw prijorità ġdida. 

Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia temm jgħid, “Se nkun qed inwettaq din il-wegħda tiegħi, flimkien ma’ ohrajn li għamilt matul din il-kampanja ghall-Kap tal-Partit, iżda qabel irrid nagħmel diskussjoni wiesgħa mal-istakeholders u man-nies – dawk li għalihom qed nagħmlu l-politika. Jeħtieg nifhem l-asprizzjonijiet tagħhom biex inkun nista’ nibni fuqhom u nwassal viżjoni nazzjonali li neħtiegu f’kull settur. Naf fejn irrid immur u hekk se nagħmel. Naf li mhux se tkun faċli. L-ebda mill-passi li għamilna fil-passat ma kienu faċli, u lanqas ma huma se jkunu il-passi li se nieħdu fil-futur.

Jeħtieg li verament niftħu l-biebin tal-Partit taghna beraħ u nilqgħu l-bidla, ideat ġodda u l-aspirazzjonijiet ta’ kulħadd. Kemm ilu il-Partit Laburista fil-Gvern hawn sens falz ta’ prosperità. li donna giet aċċetata mis-soċjetà. Il-Partit Nazjonalista ma jibżax mill-bidla. Inwiegħed li jekk niġi elett Kap tal-Partit Nazzjonalista, se nkun qed nwettaq rivoluzzjoni permanenti u se nkun qed nagħmel dan billi naħdem ma’ dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-partit u l-pajjiż.”