Lokali

Jitqabbad nar mal-faċċata tal-familja Ciangura fir-Rabat

Żewġ anzjani u n-neputi tagħhom, tifel ta’ disa’ snin li għandu diżabiltà, ħelsuha ħafif iżda kellhom jingħataw il-kura għal xokk li sofrew u duħħan li belgħu.

Dan wara li persuna jew persuni mhux magħrufa taw in-nar lill-bieb ta’ barra tar-residenza tal-familja Ciangura, li tinsab fi sqaq fi Triq Santa Barbara, fir-Rabat.

Il-każ seħħ kmieni matul il-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa, għall-ħabta tas-siegħa u kwart ta’ filgħodu, bin-nar jeqred għal kollox il-bieb ta’ barra u kien tant qawwi li saħansitra dewweb il-ħadid tal-letter box.

Saret ukoll ħsara estensiva fil-faċċata, bin-nar jilħaq jinfirex minkejja intervent mill-ġirien li għenu biex is-sitwazzjoni tiġi kkontrollata.

Jirriżulta li mal-wasla tal-membri tal-Protezzjoni Ċivili, it-tifel kellu jinħareġ minn tieqa li tinsab fl-ewwel sular hekk kif ma kienx possibbli li wieħed jaċċessa l-entratura prinċipali.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin filwaqt li nfetħet ukoll inkjesta maġisterjali. Madankollu dan mhux każ faċli hekk kif jirriżulta li fl-inħawi m’hemm l-ebda kameras tas-sigurtà li għallinqas setgħu jagħtu dawl fuq min wettaq dan l-att.