Lokali

L-AĠ m’oġġezzjonax li Effimova ssiefer iżda b’destinazzjonijiet ristretti

– L-ex uffiċjal tal-FIAU Jonathan Ferris

L-Avukat Ġenerali kien iddikjara li ma kellux oġġezzjona li r-Russa Maria Effimova ssiefer minn Malta iżda sostna li l-passaport tagħha, li kienet żvelat il-każ tad-dokumenti ta’ Egrant fil-Pilatus Bank, kellu jiġi ristrett għal użu fi Spanja, l-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka. Il-passaport in kwistjoni hu propjetà tal-istat Russu u għalhekk l-Avukat Ġenerali ma għandu l-ebda jedd jew poter li jirristrinġi l-użu tal-istess passaport.

Dan jirriżulta minn tweġiba li l-ex uffiċjal tal-FIAU Jonathan Ferris bagħat lid-deputat Laburista Glen Bedinflied; liema stqarrija bl-avukat kienet ippubblikata bil-liġi tal-istampa fit-sit ta’ Bedingfield fuq l-internet.

Id-dikjarazzjoni kienet iffirmata mill-avukat Kris Busietta u fiha Jonathan Ferris għamel riferenza għal artiklu mxandar minn Bedingfield fuq il-blog tiegħu nhar il-11 ta’ Awissu 2017 bit-titolu ‘Dizonesti, l-Avukat Generali kien oġġezzjona t-talba biex ir-Russa ssiefer u l-prosekuzzjoni ma kenitx oġġezzjonat’.
Mal-istess artiklu Bendingfield poġġa ritratt ta’ Ferris li kien wieħed mill-prosekuturi fil-proċeduri kriminali kontra r-Russa.

Jonathan Ferris qal li oriġinarjament, ir-Russa kienet arrestata fl-10 ta’ Awwissu 2016 u kienet rilaxxata dak in-nhar stess taħt police bail minħabba li l-Pilatus Bank kien għad irid jibgħat dokumenti pertitnenti għall-investigazzjoni lill-Pulizija.

Fit-23 ta’ Awissu 2016, wara li kienu eżaminati d-dokumenti in kwistjoni u korroborati b’ċerta fatti, Jonathan Ferris flimkien mal-Ispettur Lara Butters ressqu l-Qorti taħt arrest lir-Russa Maria Effimova.
Ferris kompla li dakinhar li r-Russa tressqet l-Qorti, ma kienx jagħmel sens li l-Prosekuzzjoni toġġezzjoni għat-talba ta’ ħelsien mill-arrest li kienet saret mill-avukat ta’ Effimova fil-kuntest tal-fatt li din kienet bil-police bail għal madwar 11-il ġurnata.
Il-Prosekuzzjoni kienet talbet lill-Qorti li jekk tagħti l-ħelsien mill-arrest, għandu jkun hemm kundizzjonijiet adegwati kif fil-fatt ġara, fosthom li r-Russa kellha tiddepożita fil-qorti l-passaporti Russi; dak għal vjaġġar intern kif ukoll il-passaport għal użu internazzjonali flimkien mar-residence card Maltija.

Jonathan Ferris sostna li fil-proċeduri, Effimova kienet ressqet diversi talbiet biex tkun tista’ tirtira l-passaport/i Russu biex tkun tista’ issiefer. Il-prosekuzzjoni u l-Avukat Ġenerali dejjem oġġezzjonaw għal dawn it-talbiet u l-Qorti dejjem imponiet depożiti qawwijin biex il-passaporti jiġu ritirati.

Ferris qal li sar jaf b’ċertu fatti li xxandru fil-media lokali fejn nhar il-Ġimgha 4 ta’ Awissu 2017, kien rappurtat li Effimova kellha tidher il-Qorti u ma deheritx. F’din il-kawża, Ferris flimkien ma’ uffiċjali oħra tal-Korp tal-Pulizija hu wieħed mill-parte civile u Effimova tinsab akkużata li malafamat lil Ferris żewg uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija u li għamlet rapport falz kontrih. Ferris ma kienx baqa’ jagħmel parti mil-prosekuzzjoni fil-kawża kriminali kontra Effimova għaliex beda jaħdem mal-FIAU.

Skond ir-risposta tal-Avukat Ġenerali għat-talba li Effimova kienet għamlet biex issiefer, l-Avukat Ġenerali kien wieġeb li ma kienx qiegħed joġġezzjona dment li l-passaport internazzjonali Russu jkun ristrett għal tliet pajjiżi; Spanja, Ġermanja u r-Repubblika Ċeka. Il-Qorti laqgħet din it-talba billi ordnat li l-passaport in kwistjoni jiġi ritornat lilha u li jkun ristrett għall-użu fl-Unjoni Ewropea.

Filwaqt li l-Avukat Ġenerali qal li l-passaport Russu ta’ Effimova għandu jiġi ristrett għal użu fi Spanja, l-Ġermanja u r-Repubblika Ċeka, il-passaport in kwistjoni hu propjetà tal-istat Russu u għalhekk l-Avukat Ġenerali ma għandu l-ebda jedd jew poter li jirristrinġi l-użu tal-istess passaport.

Dwar il-kritika li saret lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, Jonathan Ferris ddikjara li dejjem mexa b’mod professjonali u b’rettezza. Hu nsista li immedjatament Bedingfield ineħħi l-kelma ‘Diżonesti…’ mit-titolu tal-artiklu u jneħħi wkoll r-ritratt tiegħu li jidher fil-bidu tal-artiklu.