Elezzjoni Kap PN Lokali

L-appell ta’ Frank Portelli

“Jekk jien irrid nirbaħ, l-ewwel ħaġa li rrid nagħmel jien, hu li naċċetta li għamilt l-iżbalji u niskuża ruħi għalihom. U jien lest li nagħmel dan, mhux li mmur l-infern għad-dnubiet ta’ ħaddieħor, imma lest immur għand il-poplu u nammetti li żbaljajt.”

Iddikjara dan il-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Frank Portelli fil-messaġġ tiegħu li għadda lejliet l-elezzjoni li fiha se jivvutaw il-kunsilliera tal-Kunsill Ġenerali.

“Jien qatt m’għidt inservi, imma jien doer, irrid nagħmel xi ħaġa, irrid nilħaq l-ideat li għandi. Sa ftit ta’ żmien ilu ħadd ma kien qed isemmi lill-pensjonanti, li huma l-foqra ġodda. Ħadd ma kien isemmi liż-żgħażagħ,” fakkar Frank Portelli, li rrimarka li ilu sa mill-bidu jitkellem dwar dan l-oqsma tas-soċjetà.

“Irridu nkunu favur il-business. U żgur, imma rridu nkunu ġusti ma’ kulħadd. Jien ma rridx nara dik is-soċjetà, irrid inbiddilha u għidt kif. Kellna triq tajba u abbandunajniha,” kompla Frank Portelli li wera dispjaċir li t-triq l-antika twarrbet.

It-triq l-antika fiha ftit ħotob u ftit iebsa, imma ma mmurx fi triq ġdida li ma nafx fejn se twassalna. “Il-prostituzzjoni, illegalizzaha. Tidgħi? Idgħi kemm trid. Droga? U ejjew żgħażagħ ħudu ftit droga. Jien ma rridx dan il-pajjiż. Jew nitlaq jien minn dan il-pajjiż jew nieħdu lura fejn kien,” iddikjara Frank Portelli.

Kompla li l-politiku jrid imur quddiem biex imexxi, u fuq wara biex jiekol. Il-politiku jrid ikun l-aħħar wieħed li jiekol. “Jien dak li nemmen u li noffri. Nhar is-Sibt għandhom għażla ċara: Jew dik it-triq, l-istess, jew inkella xi triq oħra li qatt ma smajna biha.”