Illum il-Ġimgħa, l-1 ta’ Settembru 2017, hu l-ewwel jum li fih koppji tal-istess sess jistgħu jiżżewġu b’mod ċivili f’Malta.
Dan hu possibbli permezz tal-liġi tal-Ugwaljanza fiż-Żwieġ li għaddiet mill-Parlament fit-12 ta’ Lulju 2017 u kienet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern nhar it-Tnejn, 28 ta’ Awwissu 2017, wara li l-President ta’ Malta tat il-kunsens tagħha għall-abbozz.
Il-liġi għaddiet mill-Parlament Malti wara vot favur kemm min-naħa tal-Gvern kif ukoll, bl-eċċezzjoni ta’ membru wieħed biss, min-naħa tal-Oppożizzjoni.
B’hekk Malta hi l-25 pajjiż fid-dinja, u l-15 fl-Ewropa, li introduċiet din it-tip ta’ liġi.
L-istituzzjoni taż-żwieġ f’pajjiżna issa hu gender neutral biex jassigura li persuni omosesswali, bisesswali, trans, intersex u genderqueer (LGBTIQ) ikunu liberi li jiżżewġu lil min iridu.
Ta’ min ifakkar li minkejja dan, ċelebrazzjonijiet ta’ żwieġ ta’ istituzzjonijiet reliġjużi huma speċifikament protetti u liberi li jiċċelebraw iż-żwieġ skont il-prassi reliġjużi tagħhom, bla ebda tibdil.
Il-liġi ġabet l-ugwaljanza wkoll fil-kunjomijiet, hekk kif koppji li se jiżżewġu biċ-ċivil mil-lum jistgħu jagħżlu li jżommu kunjom twelidhom, jagħżlu li jieħdu l-kunjom ta’ wieħed jew waħda minnhom, jgħaqqdu ż-żewġ kunjomijiet f’liema ordni jridu huma (basta t-tnejn iżommu l-istess ordni) u jagħżlu ‘isem tal-familja’ bħala l-kunjom li bih l-ulied kollha li jitwieldu minn dak iż-żwieġ ikunu magħrufa.
Il-possibbiltà li koppja, irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali tagħha, tidħol f’unjoni ċivili, se tibqa’. Madankollu, il-185 koppja li daħlu f’unjoni ċivili fl-aħħar tliet snin, jistgħu jikkonvertu l-unjoni fi żwieġ. Din il-konverżjoni tista’ ssir fi żmien ħames snin mill-introduzzjoni tal-liġi tal-Ugwaljanza fiż-Żwieġ, jiġifieri sal-2022. F’dan il-każ, iż-żwieġ jitqies li beda mid-data ta’ meta l-koppja ssieħbet f’unjoni ċivili.
Il-koppji li diġà applikaw għall-unjoni ċivili jistgħu jikkonvertu l-applikazzjoni għal waħda ta’ żwieġ ċivili mingħajr ma jerġgħu japplikaw jew ibiddlu d-data taċ-ċerimonja.
//= $special ?>