In-Nazzjon 01.09.2017

Ritratt tal-aħħar dibattitu bejn l-erba’ kandidati għall-elezzjoni ta’ Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista qabel ma’ għada s-Sibt il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista jitfgħu l-vot tagħhom, jiddomina l-ewwel paġna tal-ġurnal In-Nazzjon.

Il-ġurnal ukoll jagħti ħarsa dettaljata lejn il-logħba tant mistennija tal-lejla fl-istadium nazzjonali f’Ta’ Qali, bejn Malta u l-Ingilterra. Feature interessanti fil-paġni sportivi jagħti ħarsa lejn il-logħba ta’ 46 sena ilu fl-Empire Stadium tal-Gżira bejn Malta u l-Ingilterra, meta Malta kienet tilfet bl-iscore baxx ta’ 1 – 0, bil-pubbliku Malti dakinhar ħareġ sodisfatt bil-wirja li tat-tim nazzjonali Malti.

In-Nazzjon ikompli jsegwi l-iżviluppi b’rabta ma’ bajd kontaminat bit-traċċi tal-pestiċide tal-Fipronil, u jagħti wkoll id-dettalji dwar l-avviżi legali li daħħlu fis-seħħ mil-lum u li permezz tagħhom jistgħu jsiru f’Malta żwiġijiet ċivili bejn koppji tal-istess sess.

Fl-analiżi fil-paġni tal-opinjonijiet ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa, Joe M. Zahra jittratta t-30 sena mit-twaqqif tal-Korporazzjoni Maltija tal-Port Ħieles, li jfissru bħala żvilupp importanti u monument ieħor għall-ħidma tal-Partit Nazzjonalista fil-gvern.