Għada il-kunsilliera se jivvutaw fl-ewwel parti tal-proċess tal-elezzjoni għall-ħatra tal-kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista, nirringrazzja għalhekk il-kunsilliera tagħna tal-ħidma tagħhom waqt dan il-proċess, nirringrazzjahom talli ġew għal-laqgħat tal-erba’ kandidati, talli semgħu, talli tkellmu, talli qasmu magħna l-ideat tagħhom biex nerġgħu nagħmlu minn dan il-partit, partit rebbieħ.
Din l-elezzjoni għandha tkun l-ewwel pass biex dan il-partit jingħaqad. Bħal fil-familja jkollna d-disgwid tagħna, imma meta jkollna sfida quddiemna dejjem ningħaqdu biex flimkien insaħħu lil xulxin u nimxu ’l quddiem.
Il-pass li jmis qiegħed f’idejn il-kunsilliera, biex jagħżlu persuna li huma jħossu għandu l-aħjar kwalitajiet biex jgħaqqad dan il partit, l-aqwa pjan biex iġedded dan il partit, l-aqwa pjan bien nerġgħu nagħmlu dan il-partit, il-partit tan-nies.
L-għada li sejra ssir l-għażla, jkun imiss li aħna ningħaqdu wara min sejjer ikun il-kap li jmiss u minnufih nibdew naħdmu biex inġeddu l-partit.
Minn issa nwiegħed li jkun xi jkun ir-riżultat ta’ dan il-proċess elettorali, se nibqa’ naħdem b’determinazzjoni biex nerġa’ nara dan il-partit rebbieħ għax ħadd mu akbar mill-partit.
Dan sejjer nagħmlu b’imħabba lejn il-Partit Nazzjonalista, favur l-interess ta’ pajjiżna, favur l-interess tal-ħaddiema u tfal, iż-żgħażagħ tagħna, favur il- familji Maltin u Għawdxin kollha.