Lokali Qorti

Jitressaq b’akkużi ta’ abbuż sesswali fuq żewġt ibniet – jinżamm arrestat

Raġel ta’ 41 sena mill-Isla inżamm arrestat wara li dalgħodu tressaq b’akkużi relatati ma’ abbuża sesswali ta’ żewġt’ ibniet minorenni.

Ir-raġel tressaq quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud akkużat li f’Awwissu li għadda għamel użu ħażin minn mezzi ta’ komunikazzjoni biex jiltaqa’ ma’ tifla ta’ 12-il sena, li pparteċipa f’attivita sesswali mal-istess tifla u li kkorrompa tifla oħra ta’ 10 snin.

L-Ispettur Joseph Busuttil, li qed imexxi l-Prosekuzzjoni, spjega li l-ġenituri taż-żewġt itfal għamlu rapport lill-pulizija wara waħda mit-tfal tkellmet ma’ kuġin tagħha, li qal lil ommu, li min-naħa l-oħra informat lill-ġenituri rispettivi. L-akkużat allegatament mess lit-tifla ta’ 10 snin, iżda wettaq l-att sesswali komplut mat-tifla ta’ 12-il sena.

L-abbuż seħħ allegatament qrib supermarket f’Ħal Qormi u f’Marsaskala qrib is-sit tal-lukanda Jerma.

Waqt l-interrogazzjoni, l-akkużat ammetta li abbuża minn tifla minnhom iżda mhux mill-oħra, bid-difiża ssostni li t-tifla kienet ipparteċipat fl-atti sesswali volontarjament u kienet diġa’ sesswalment attiva.

Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest fejn qalet li fost oħrajn, l-akkużat jaħdem flimkien ma’ missier waħda mit-tfal.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest bil-Maġistrat Mifsud jgħid li f’dan l-istadju “ma nistax ma nipproteġix lix-xhieda. Qed nitkellmu fuq każ li għandu piena minima ta’ sentejn ħabs u ieħor li l-piena tiegħu hi bejn 3 u 5 snin ħabs.” “Kieku ammetta llum, kont nikkundannah għal mill-inqas 4 snin ħabs,” tenna l-Maġistrat.

L-Avukat David Camilleri qed jassisti lill-akkużat.