Elezzjoni Kap PN Lokali

Illum il-votazzjoni għall-elezzjoni ta’ Kap tal-PN

Fit-Tmienja ta’ dalgħodu fetħet il-votazzjoni għall-elezzjoni ta’ Kap Ġdid, dan hekk kif ftit qabel ingħata bidu għall-Kunsill Ġenerali li l-elezzjoni hi parti minnu.

Il-kaxxi tal-votazzjoni jinsabu fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista f’Tal-Pietà u fis-‘Sub-Headquarters’ tal-Partit f’Ta’ Sannat Għawdex.

Il-votazzjoni tibqa’ għaddejja sad-9pm f’Malta u sat-tmienja f’Għawdex. Fuq il-karta tal-vot, il-Kunsillieri se jkollhom l-erba’ ismijiet tal-Kandidati biex jivvutaw lil wieħed minnhom. Minn dawn, se jgħaddu tnejn għall-elezzjoni fil-Konvenzjoni Ġenerali, li se ssir is-Sibt, 16 ta’ Settembru.

Mal-ftuħ tal-votazzjoni fi tweet il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li llum il-futur tal-Partit Nazzjonalista jinsab f’idejn il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista. Qal li jinsab ċert li l-Kunsilliera se jivvutaw fl-aħjar interess tal-Partit Nazzjonalista.

Dalgħodu ivvutat t-tmexxija tal-Partit NAzzjonalista fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, is-Segretarju Ġenerali Rosette Thake, il-President tal-Kunsill Ġenerali Paula Mifsud Bonnici u l-President tal-Eżekuttiv Ann Fenech.

Dalgħodu vvutaw ukoll l-erba’ kandidati, Adrian Delia, Alex Perici Calascione, Frank Portelli u Chris Said.