Sport Waterpolo

WATERPOLO – San Ġiljan jirbħu erba’ minn erba’ tazzi

(Ritratt - DOMINIC BORG)

Stewart Said

SAN ĠILJAN……………12
SLIEMA…………………….7
(3-2), (4-0), (2-2), (3-3)

San Ġiljan Tum Invest kisbu l-ħames double fl-istorja tagħhom meta b’wirja oħra brillanti għelbu lil Sliema Frank Salt 12-7 biex rebħu l-BOV knock-out għat-tielet sena konsekuttiva. Għal darba oħra, il-logħba kienet karatterizzata b’wirja dominanti fit-tieni sessjoni li fetħet it-triq għalihom biex jikkontrollaw il-logħba mingħajr diffikultà fit-tieni parti.

In-numri jitkellmu waħedhom. L-għaxar suċċess f’din il-kompetizzjoni, rebħu l-25 logħba li kellhom din is-sena u għaldaqstant waqqfu rekord ġdid li rebħu l-erba’ tazzi fl-istaġun, kif ukoll rebħu disa’ mill-aħħar għaxar trofej disponibbli.

Sliema fuq in-naħa l-oħra għalqu staġun negattiv li fih mhux biss ma rebħux unur iżda naqsu li jkunu sfidanti fejn spiċċaw fir-raba’ post fil-kampjonat u kellhom diversi logħbiet li fihom iddiżappuntaw.
Għal din il-partita huma kienu taħt it-tmexxija teknika ta’ Peter Decesare u d-Direttur Tekniku John Soler.
San Ġiljan rebħu l-ewwel sessjoni 3-2, b’Aleksandar Ivovic ikun protagonista meta b’doppjetta fi ftit ħin dawwar l-iskor wara l-gowl tal-vantaġġ ta’ Jerome Gabarretta. Molina ġab id-draw minn penalty, iżda l-Ġiljaniżi reġgħu marru minn fuq b’Aurelien Cousin itemm b’suċċess azzjoni maħduma brillanti.

Iċ-Champions urew id-differenza bejn iż-żewġ timijiet fejn mhux biss rażżnu lit-tim Slimiż iżda rnexxielhom jiskorjaw erba’ gowls konsekuttivi f’azzjonijiet maħdumin u b’konklużjonijiet tajbin b’gowls skorjati minn erba’ plejers differenti.

B’distakk ta’ ħames gowls, it-tielet sessjoni naqset mir-ritmu hekk kif id-destin tal-partita deher ċar, b’Sliema tal-anqas jirnexxielhom iwieġbu fiż-żewġ okkażjonijiet li San Ġiljan skorjaw.
Fl-aħħar sessjoni, San Ġiljan reġgħu żiedu r-ritmu bi tliet gowls oħra biex issiġillaw ir-rebħa, b’Sliema jiskorjaw tliet gowls konsekuttivi biex għamlu l-iskor ftit aktar rispettabbli.

Fi tmiem il-partita spikkaw iċ-ċelebrazzjonijiet tal-plejers u partitarji ta’ San Ġiljan, biċ-Chief Officer tal-BOV Anthony Scicluna fil-preżenza tal-President tal-ASA Joe Caruana Curran jippreżenta t-tazza lill-captain Matthew Zammit.

San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg, A. Galea (1), B. Grech, J. Galea, M. Zammit (1), B. Plumpton (1), D. Zammit, A. Ivovic (5), A. Cousin (3), P. Fava, D. Zammit (1), T. Micallef
Sliema: R. Coleiro, J. Gabarretta (1), E. Aquilina, C. Cluett, G. Molina (3), K. Dowling, M. Spiteri Staines, L. Galea, J. Gambin (2), M. Meli (1), Z. Mizzi, B. Cachia, Z. Sciberras
Referees: Peter Balzan, Adrian Alexandrescu