Lokali

Żewġ persuni iweġġgħu gravi f’inċidenti separati

Ritratt mill-arkivji

Mara ta’ 51 sena residenti l-Mosta sofriet ġrieħi gravi wara li ttajret minn karozza f’Raħal Ġdid.

L-inċident seħħ is-Sibt għall-ħabta ta’ nofsinhar fi Triq il-Palma Raħal Ġdid meta l-mara ttajret minn vettura tat-tip Volkswagen Polo li kienet qed tinstaq minn Niġerjan ta’ 32 sena residenti Ħal Tarxien.

Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-vittma l-isptar fejn aktar tard ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Intant raġel ta’ 22  sena residenti San Pawl il-Baħar qed isofri minn ġrieħi gravi wara li inċident li seħħ fiż-Żona Industrijali tal-Imrieħel.

L-inċident seħħ is-Sibt għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu meta r-raġel kien qed jgħabbi xi ħaxix fuq trakk li kien ipparkjat meta t-trakk għal xi raġuni mexa u għadda minn fuq sieq ir-raġel.

Ir-raġel ittieħed l-isptar fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja.