“Il-vjaġġ jeħtieġ li nagħmluh flimkien,” qal dan il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, l-għada li fl-ewwel fażi tal-elezzjoni tal-Kap tal-Partit ġab l-approvazzjoni tal-akbar ammont ta’ kunsilliera, biex hekk fi żmien ġimgħatejn, 22,000 tesserat se jkollhom l-għażla finali dwar min għandu jkun il-Kap il-ġdid Nazzjonalista.
Adrian Delia qal li hu jaf li dan mhux il-mument ta’ diskors tar-rebħa, u dan għaliex biex issir l-għażla finali fadal triq twila. Madanakollu, il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jkun qed jonqos jekk ma jaqsamx il-gratitudni u s-sens ta’ umiltà lejn il-kunsilliera u l-Kunsill Ġenerali, l-ogħla organu tal-Partit Nazzjonalista, li innomina lilu flimkien mal-kollega u l-ħabib tiegħu Chris Said, biex jgħaddu għal-fażi li jmiss, fejn it-tesserati se jkunu qed jagħżlu min minnhom se jkun qed jmexxi dan il-Partit li huwa tant għal qalbna.
Adrian Delia qal li se jersaq għal dan it-test mat-tesserati tal-Partit b’umiltà lejn l-istorja tal-Partit u bil-lealtà li l-istess tesserati urew lejn il-Partit Nazzjonalista u l-mexxejja tiegħu. Qal li se jersaq għal dan it-test mat-tesserati billi għal darba oħra jirriafferma il-valuri politiċi u l-prinċipji tal-Partit, l-istess Partit li meta ingħata l-opportunitajiet li jiggverna, bena soċjetà ġusta. Qal li se jersaq quddiem it-tesserati b’impenn ċar ta’ tiġdid, liema tiġdid jeħtieġ jsir b’rispett sħiħ lejn l-istorja u l-kisbiet tal-Partit.
Qal li wħud interpretaw l-slogan tal-kampanja tiegħu “Mod Ġdid” bħala offiża għal-passat. Iżda din hija interpretazzjoni ħażina, qal Adrian Delia. Qal li minħabba il-ġenn tal-kampanja u minħabba d-diżappunt ta’ bosta bir-riżultat tal-aħħar elezzjoni ġenerali, ma kellux ċans jaqsam il-viżjoni tiegħu b’mod komplut.
Adrian Delia qal li kieku hu jaħseb li ma kien hemm xejn tajjeb fil-Partit Nazzjonalista, ma kienx jagħti s-sapport tiegħu fl-elezzjonijiet passatti specjalment tal-2013 u 2017. Qal li kieku kien jaħseb hekk ma kienx joffri li jmexxieh f’dan il-mument. Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li qed joffri s-servizzi tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista għax jemmen fl-istess Partit, jemmen fin-nies li mexxewh u fin-nies li ħadmu għall-istess Partit bla waqfien biex iressqu ‘l quddiem il-prinċipji politiċi tal-Partit tagħna, l-istess prinċipji li ispirawah.
Adrian Delia qal li dak li qed joffri mhux li jiżvojta Partit u jibda mil-ġdid. Dak li qed joffri huwa l-rivitalizzazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, b’injezzjoni ta’ enerġija friska u ġdida u wegħda ta’ tiġdid lejn il-prinċipji stabbiliti tal-Partit. Il-kandidat għal-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jaf li dan ma jistax jagħmlu waħdu.
Adrian Delia qal li jifhem li din il-kampanja għal-Kap Nazzjonalista kienet miġġielda b’mod qawwi speċjalment fuq il-mezzi soċjali. Kull kandidat kellu persuni li wrew l-appoġġ tagħhom lejhom, li kienu xi ftit jew wisq ħerqana iżżejjed biex jappoġġjaw il-kandidat tagħhom, li iżda għamlu l-iżball meta ħasbu li biex juri l-appoġġ tagħhom lill-kandidat tagħhom jridu jattakkaw kandidat ieħor. Dr Delia talab skuża bla riżerva jekk xi persuni li kienu qed juru appoġġ lejh attakkaw lill-oħrajn fil-mezzi soċjali. Qal li uża kull opportunità li kellu biex jwissi kontra dan l-aġir, u dan għaliex fi żmien qasir l-ħidma tagħna trid tkun iffukkata biex nattiraw aktar nies lejn il-Partit.
Qal li l-r-rwol ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista qatt ma kien xi titlu ta’ awtorità, izda rwol li jeħtieġ li jgħaqqad lin-nies flimkien li jridu jaħdmu fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, jimmobilizzahom u jagħtihom l-enerġija biex jħarsu lejn viżjoni futura. Dan b’kuntrast għal Partit Laburista, li jħaddan politika materjalista ta’ egoiżmu, l-ebda rispett lejn is-saltna tad-dritt u ebda viżjoni għal-futur.
Biex nagħmel dan, qal Adrian Delia jeħtieġ kull wieħed u waħda mill-membri Parlamentari tagħna li jibqgħu iffukkati u mimlija enerġija biex niskrutinizzaw il-Gvern. Qal li beħsiebu jibni akkademja għall-kandidati prospettivi biex jiġu ppreparati l-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ membri Parlamentari Nazzjonalisti.
Adrian Delia qal li biex dan iseħħ, jeħtieġ li l-ħaddiema tal-Partit jaħdmu bla waqfien u b’impenn ġdid biex jipprepara lill-Partit Nazzjonalista biex jiġġieled il-kampanji elettorali li jmiss. Qal li hu se jkun qed juri s-sapport tiegħu b’team ġdid ta’ tmexxija li se jkun qed iġib ideat ġodda dwar kif il-messaġġ tagħna jista’ jasal aktar.
Qal li jeħtieġ ħassieba biex ideoloġiji tal-Partit jintisġu flimkien biex tingħata ħarsa ġdida u friska lejn il-futur tal-pajjiż li irridu, minn issa, nippreparaw għalih. Qal li se jara li dawn I-ħassieba jkunu mħuħ kritiċi u friski li kapaċi jraqqmu d-dibattitu u jfasslu t-triq għall-ġejjieni. Qal li l-Mod Ġdid tiegħu mhux imbarazzat mill-passat, anzi huwa kburi bil-passat tiegħu.
Qal li hekk kif dħalna għall-aħħar ġimgħatejn ta’ din il-kampanja ghall-Kap tal-Partit, jeħtieġ li nwessgħu l-viżjoni tagħna. Issa li wara telfa oħra elettorali ta’ Ġunju li għadda, qed nagħrfu l-żbalji tagħna, ejja nitgħallmu minn dawn l-żbalji li għandhom jippreparawna biex inservu lill-pajjiżna għal darba oħra.
Qal li ħadd mhu akbar mil-Partit Nazzjonalista, lanqas hu. Qal li hu qiegħed hemm biex iservi u jaqsam l-ambizzjoni tiegħu biex nibnu futur aħjar għal uliedna, ambizzjoni li ma bdietx f’Ġunju li għadda, iżda li bdiet 140 sena ilu meta dan il-Partit glorjuż beda bil-mixja tiegħu.
Temm jgħid “ejja nkomplu dan il-vjaġġ flimkien.”
Intant, l-għada li vvutaw il-kunsielliera, Adrian Delia qatta’ l-għodwa tal-Ħadd idur diversi każini tal-Partit Nazzjonalista fosthom is-Siġġiewi, Ħaż-Żebbuġ, il-Ħamrun, il-Birgu, l-Isla kif ukoll Ħal Qormi.
Hawn iltaqa’ ma’ dawk preżenti fejn wiegħed li dawn iż-żjarat u konferenzi tal-aħbarijiet minn każini differenti se jkomplu, għaliex jemmen li l-każini tal-Partit Nazzjonalista huma aspett importanti li jrid jiġi mħares.
Irrefera wkoll għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista iżda wiegħed l-impenn tiegħu li l-każini tal-partit jintużaw u jingħataw ħajja ġdida għaliex huma riżors importanti ħafna. Qal li minkejja li hemm sfidi biex uħud minnhom jiġu salvati, se jagħmel l-almu tiegħu biex dan iseħħ.
//= $special ?>