Rapporti mis-Serbja qalu li tliet persuni spiċċaw arrestati wara li l-karozza tagħhom baqgħet dieħla f’carcade li kien jinkludi l-karozza tal-President Serb, Aleksandar Vucic.
Il-President ma weġġax fl-inċident li, skont ir-rapporti mill-gazzetta Politika, seħħ nhar is-Sibt li għadda f’zona ta’ Belgrad fejn Vucic għandu r-residenza tiegħu. Il-Pulizija, intant, ma żvelatx dettalji dwar il-każ.
Madankollu, ir-rapport minn Politika (li hi favur il-Gvern) sostna li l-vettura, tat-tip Bentley u li kellha l-pjanċi tar-reġistrazzjoni Spanjoli, daħlet b’veloċità fil-karozza li kien qed juża l-President Vucic.
Ir-rapport kompla li tliet Serbi li kienu fil-Bentley, imbagħad, inżammu taħt arrest fuq suspett li ‘ipperikolaw is-sigurtà tal-President tas-Serbja’.
L-istampa li hi qrib il-President Vucic qalet, diversi drabi, li numru ta’ għedewwa mhux identifikati ‘kienu involuti f’numru ta’ kumplotti kontra ħajtu’.
Sadanittant, l-avversarji politiċi ta’ Vucic qed jgħidu li dawn it-teoriji huma kollha parti minn propaganda intiża biex tpitter lill-President bħala vittma, waqt li ddawwar l-attenzjoni lil hinn mill-problemi soċjali u ekonomiċi tas-Serbja.
Aleksandar Vucic hu eks-ultranazzjonalist li llum qed jadotta politika favur l-Unjoni Ewropea u li anki qed isegwi programm ta’ riformi f’pajjiżu.
//= $special ?>

