Ammont kbir ta’ uffiċjali tal-Pulizija mir-Rapid Intervention Unit kellhom jissejħu fil-Marsa, qrib il-Knisja tat-Trinità Mqaddsa, wara argument li żviluppa bejn żewġ persuni.
Jirriżulta li ż-żewġ persuni kienu taħt l-influwenza tal-alkoħol malli ġew arrestati mill-Pulizija u ttieħdu lejn l-għassa tal-lokalità.
Wieħed mill-persuni deher mixħut bilqiegħda fuq l-għatba tal-għassa qabel iż-żewġ persuni ġew immanettjati.
Għal xi ħinijiet kien hemm mumenti ta’ tensjoni, b’wieħed mill-arrestati jidher javviċina lill-ieħor, jgħajjat u jipponta lejh sakemm inżamm mill-Pulizija.
Għal iżjed minn darba, il-Pulizija kellhom iwiddbu liż-żewġ akkużati, b’wieħed minnhom fi stat evidenti ta’ sokor, jidher isellem lill-Pulizija bħallikieku xi suldat li qed isellem lis-superjuri tiegħu.
Għal xi ħin l-uffiċjali saħansitra dehru jagħmlu ronda fiż-żona, inkluż bi tfittxijiet fl-inħawi.