Internazzjonali

Il-Ġermanja: Evakwazzjoni storika minħabba bomba tat-Tieni Gwerra

Madwar 65,000 resident ta’ Frankfurt  kienu evakwati minn djarhom għall-kumplament tal-jum biex l-esperti jkunu jistgħu jinnewtralizzaw bomba kbira, imlaqqma ‘blockbuster’, li kienet ilha hemm mit-Tieni Gwerra Dinjija u li baqgħet ma splodietx.

Il-bomba kienet intefgħet mill-qawwiet Alleati ta’ kontra l-eks-Ġermanja Nażista u l-evakwazzjoni kienet anki l-akbar waħda mit-Tieni Gwerra ‘il hawn. Iz-zona għall-evakwazzjoni kopriet diversi sptarijiet, djar għall-anzjani kif ukoll l-inħawi madwar il-Bank Ċentrali tal-Ġermanja. Dan meta l-awtoritajiet Ġermaniżi jemmnu li fil-pajjiż għad fadal eluf ta’ bombi ‘ħajjin’ minn żmien it-Tieni Gwerra.

L-awtoritajiet fi Frankfurt, ftit tal-ħin ilu, wissew li splużjoni potenzjali  ta’ bomba hekk-qawwija li ma tkunx ikkontrollata għandha jkollha saħħa biżżejjed biex teqred triq sħiħa tal-belt ‘minn tarf sa tarf’.