Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq tiftaħar ‘bis-suċċess’ ta’ prova għal bomba tal-idroġenu

Il-Korea ta’ Fuq komunista qed tgħid li, fl-aħħar sigħat, irnexxitilha kompletament prova għal bomba tal-idroġenu li tista’ tkun inkorporata fuq missila għal distanzi fit-tul.

Din kienet is-sitt prova nukleari mir-reġim komunista fi Pyongyang, bl-esperti tat-terremoti jindikaw ukoll theżżiż tal-art qawwi u artifiċjali li kienu dovuti għall-prova speċifika.

It-tip ta’ bomba tal-idroġenu li rreferiet għaliha l-Korea ta’ Fuq hi ħafna aktar qawwija minn bomba atomika, U filwaqt li l-analisti barranin qed ikunu kawti dwar l-iżvilupp, huma mhumiex jiċħdu li l-Korea komunista qiegħda tavvanza fil-kapaċitajiet nukleari tagħha.

Kelliema għall-Korea t’Isfel qalu li l-prova ta’ matul il-lejl seħħet fl-inħawi ta’ Kilju waqt li ħarġu wkoll ritratti tal-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, viċin  ta’ oġġett li l-istampa ta’ Pyongyang fissritu bħala bomba tal-idroġenu.

L-istampa tal-Korea komunista kompliet li din it-tip ta’ bomba tista’ tkun stallata fuq missila ballistika u li Kim Jong-un kien żar lix-xjenzati fl-istitut għall-armi nukleari ta’ pajjiżu fejn mexxa hu stess il-ħidma lejn il-produzzjoni ta’ armi fuq dan il-livell.

Il-prova nukleari preċedenti mill-Korea ta’ Fuq kienet tmur lura għal Settembru tas-sena li għaddiet u r-reġim fi Pyongyang, fl-aħħar ġimgħat, sfida kemm il-darba lill-komunità internazzjonali bl-iżvilupp ta’ armi u provi tal-missili bil-potenzjal li jolqtu lit-territorji tal-Istati Uniti.

Intant, din l-aħħar prova qed tidher bħala l-akbar waħda s’issa mill-Korea ta’ Fuq u r-riżultati tassew qegħdin jidhru sodisfaċenti għall-ambizzjonijiet nukleari ta’ Pyongyang.

Il-prova inkwistjoni, fl-istess ħin, ġabet kundanna sħiħa mill-Korea t’Isfel, fejn il-President Moon Jae-in ħeġġeġ biex il-komunità internazzjonali tirreaġġixxi għall-iżvilupp bl-aktar mod konkret u determinat. Moon Jae-in irid ukoll li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jgħaddi sanzjonijiet ġodda li jiżolaw kompletament lill-Korea komunista.

Espressjonijiet oħra ta’ kundanna ngħataw mill-Ġappun u miċ-Ċina, li hi l-akbar alleata ta’ Pyongyang, waqt li Yukiya Amano, li jmexxi lill-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika, fisser l-aħħar prova nukleari mill-Korea ta’ Fuq bħala xi ħaġa li tqanqal sens ta’ dispjaċir qawwi. Amano sostna, fl-istess ħin, li l-azzjoni ta’ Pyongyang tisfida kompletament id-domandi tal-komunità internazzjonali.