Lokali

Jiem sħaħ ta’ ħela ta’ ilma f’Birkirkara

Sitwazzjoni xejn sabiħa kemm għar-residenti fi Triq Domenico Cachia f’Birkirkara kif ukoll f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħela ta’ riżorsa prezzjuża u rari f’pajjiżna.

Dan hekk kif f’din it-triq tħalla ħiereġ l-ilma għal numru ta’ ġranet mingħajr ħadd ma ħa azzjoni u minkejja li saru rapporti lill-awtoritajiet konċernati. Kien biss il-Ħadd, wara li saru r-rapporti u meta t-triq imtliet bl-ilma, li ttieħdet azzjoni.

Dan l-ilma qed jinħela meta issa hu magħruf li Malta għad tiġi fi kriżi jekk ikun hawn xi problema nazzjonali. Dan minħabba li jekk għal xi raġuni jew oħra r-Reverse Osmosis tieqaf taħdem, ilma tajjeb għax-xorb f’pajjiżna ikun hawn biss għal madwar 24 siegħa.

L-idjologu Marco Cremona fl-aħħar jiem żvela li l-pajjiż għad jiġi fi kriżi jekk ħadd mhu se jagħmel xejn. Dan qed ikompli jsir iktar reali hekk kif dan is-sajf għamlu erba’ heat waves u n-nixfa ma naqsitx, bin-numru ta’ turisti li qed jiġu f’pajjiżna ma jgħinx is-sitwazzjoni.

Fl-2014 kien irraportat li jekk għal xi raġuni jew oħra s-sistemà tar-Reverse Osmosis tiġrilha xi ħsara, Malta se jkollha provvista tal-ilma għal jumejn biss.

B’hekk fi żmien tlett snin, il-provvista tal-ilma tajjeb għax-xorb naqas għal 24 siegħa. Barra dan, iktar ma jmur, iktar l-ilma tal-pjan qed isir iktar mielaħ, b’uħud mill-bdiewa ma jistgħux jużawh għall-ħxejjex tagħhom.

Madwar sena ilu, l-eks Assistent Direttur fid-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Ambjent fil-MEPA, Alfred Baldacchino, kien qal li jekk l-affarijiet ma jinbidlux, Malta riesqa biex issir deżert, b’qerda agrikoltura.

Sfortunatament, dan qed jiġri minħabba l-ippompjar tal-ilma tal-pjan bil-goff u bla kontroll. F’Lulju li għadda, il-gazzetta Maltatoday kienet rrapportat li fl-2016 ittellgħu madwar 212-il miljun flixkun ilma. Dan huwa biss kalkolu tal-ilma li jittella’ minn taħt l-art għal skopijiet kummerċjali.

Sena wara sena, għalkemm saru diversi wegħdiet mill-Gvern li se jsir xi ħaġa dwar dan, baqa’ ma sar xejn biex Malta jkollha pjan serju dwar l-ilma.