Sport Sport Ieħor

Neville Ciantar u Malcolm Paul Gauci jibdew il-vjaġġ lejn il-Portugall

Wara li Neville Ciantar u Malcolm Paul Gauci tan-Nusu Offroad Racing għamlu suċċess fil-kompetizzjoni Ultra4 f’Wales fejn spiċċaw fit-tielet post, ilbieraħ bdew il-vjaġġ tagħhom lejn il-Portugall. L-ewwel rawnd sar fl-Iskozja, segwit mill-Italja u Wales biex issa se jikkompeti fir-raba’ rawnd fil-Portugall.

Din hi l-ewwel darba li t-tim se jieħu sehem f’Vimioso fil-Portugall. In-Nusu Offroad Racing Team jinsab fir-raba’ post tal-kampjonat, pożizzjoni importanti meta wieħed jikkunsidra li ma ħadux sehem fit-tieni rawnd fl-Italja.

L-esperjenza fil-Portugall hi esperjenza ġdid fit-tim, dan għaliex id-distanza u l-loġistika huma żewġ fatturi li żammew it-tim milli jikkompeti fil-passat. Din is-sena ttieħdet id-deċiżjoni li dawn jiġu megħluba u se jsir minn kollox biex it-tim jasal fil-post u fil-ħin tat-tellieqa.

Dan ifisser li se jaqsmu għal Pozzallo permezz tal-katamaran, isuqu sa Palermo fejn jaqbdu vapur sa Genoa u jkollhom vjaġġ ta’ madwar għoxrin siegħa fid-destinazzjoni. Wara l-vjaġġ twil, huma jibdew il-kompetizzjoni tagħhom kontra timijiet ikbar u li waslu fid-destinazzjoni wara vjaġġi anqas rigorużi.