Għada t-tim nazzjonali jilgħab it-tmien logħba tiegħu minn Grupp F tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja meta f’Hampden Park jilgħab kontra l-Iskozja. Il-mod kif it-tim Malti safa’ megħlub mill-Ingilterra l-Ġimgħa li għadda fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, għadha tħalli l-effett tagħha, bil-plejers Maltin mistennija li juru reazzjoni.
F’konferenza stampa lejliet il-logħba, tkellem il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Pietro Ghedin. Hu qal li se jippruvaw jagħmlu aħjar u sostna li hemm bżonn li titneħħa mill-memorja l-prestazzjoni negattiva tal-aħħar 20 minuta kontra l-Ingilterra.
Ghedin saħaq fuq il-kundizzjoni fiżika tat-tim u qal li jekk ikunu f’kundizzjoni tajba jistgħu jmorru tajjeb, iżda qal li jekk le, se jkollhom il-problemi. “Għandi fiduċja fil-plejers. Tkellimt magħhom u jridu jkunu fil-pitch f’kundizzjoni tajba u bl-attitudni ġusta, biex jagħtu dak kollu li jistgħu,” sostna Ghedin.
Il-kowċ nazzjonali qed jipprepara lit-tim għal partita diffiċli wara li l-Iskozja kisbu rebħa importanti ta’ 3-0 kontra l-Litwanja, rebħa li żammet lit-tim ta’ Strachan b’ċans għat-tieni post. “Se tkun logħba diffiċli. L-Iskozja lagħbu tajjeb ħafna fl-aħħar tliet logħbiet, tjiebu u bidlu ħafna plejers. Nixtieq li nwaqqaf din il-mixja iżda mhux se tkun faċli,” kompla Pietro Ghedin.
“Aħna pajjiż żgħir u l-Iskozja bħalissa jinsabu fil-forma. Rajt l-aħħar logħba tagħhom u kien ħaqqhom jirbħu fejn setgħu skorjaw ħames gowls. Huma b’saħħithom u għandhom ċans li jispiċċaw it-tieni. Aħna nippruvaw nagħtu l-aħjar kull logħba. Bħala tim kompatt, għandna plejers tajbin imma mhux professjonali. Irridu nkunu aktar flimkien biex nitjiebu bħala tim” saħaq il-kowċ nazzjonali Malti.
//= $special ?>