Elezzjoni Kap PN Lokali

“Se noffri għażla ċara lit-tesserati” – Chris Said

Il-kandidat għall-elezzjoni ta’ kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said iddikjara li b’mod immedjat se jibda l-kampanja elettorali tiegħu għall-elezzjoni tas-16 ta’ Settembru meta iktar minn 20,000 tesserat se jkollhom id-dritt li jagħżlu l-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista.

“Ilbieraħ, ftit aktar minn 1,300 Kunsillier għażlu żewġ kandidati – lil Adrian Delia, li nawguralu u lili. Ħafna oħrajn għażlu lil Alex Perici Calascione. Insellem lil Alex u nirringrazzjah. Nirringrazzja wkoll lil Frank Portelli. Dawk li vvutaw lil Alex u lil Frank ma jistgħux jiġu injorati. Jien irrid li nirrappreżentahom ukoll,” stqarr Chris Said.

Kompla li fir-rawnd li jmiss, l-firxa issa hi ferm usa, fejn 20,000 tesserat minn Malta u Għawdex kollha għandhom id-dritt tal-vot u għalhekk se jkun hemm rappreżentazzjoni usa tas-soċjetà.

Lil dawn in-nies, Chris Said wasslilhom messaġġ: “Lil dawn l-20,000 tesserat, jien fid-dmir li nagħtihom għażla, u hekk se nkun qed nagħmel. Għażla ċara quddiemhom biex imbagħad jieħdu deċiżjoni finali dwar min se jkun il-Kap il-ġdid tal-Partti Nazzjonalista.”

Fakkar li fid-djar hemm eluf ta’ tesserati li ma jesprimu ruħhom favur ebda kandidat, iżda għandhom għal qalbhom il-partit tagħna u jixtiequlu l-ġid. Dan jagħmluh fis-skiet ta’ djarhom.

“Il-kampanja tiegħi se tkun xprunata minn prinċipji ċari: L-integrità; is-sewwa u l- bżulija,” iddikjara Chris Said li kompla li bħal kull kandidat ieħor għal Kap tal-Partti Nazzjonalista, u bħal kull kunsillier, tesserat u attivist irid li l-partit jirbaħ l-elezzjoni ġenerali.

Madankollu Chris Said għamilha ċara li biex isir dan, b’saħħtu kollha jemmen li biex nirbħu ma nistgħux inbiegħu ruħna. “Kont u se nibqa’ nkun ċar, anke jekk hemm min jaħseb li din mhix popolari: Biex il-PN jirbaħ ma jistax isir fotokopja tal-Labour. Labour Mark 2 ma jeżistix. Jeżisti biss Partit Nazzjonalista mibni fuq il-prinċipji tas-sewwa.”

“L-esperjenza fil-politika għallmitni li l-politika mhix teatrin. Il-politika hi l-ħajja tan-nies. Jien minix lest inġarraf il-PN, lill-partit tagħna nsaħħu rrid mhux nużah u narmieh,” stqarr Said, li fakkar kif erba’ snin oħra “se jkollna gvern li se jkun herra l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna, se jkun mgħarraq għal kollox fil-korruzzjoni u mhux se jkun bena settur ekonomiku wieħed ħlief jobs, li m’hemmx bżonnhom mal-gvern. Quddiem sitwazzjoni bħal dik, l-elettorat se jkun irid alternattiva, u jekk il-PN ikun sar fotokopja, jew agħar minnhekk daħal fis-sodda mal-Labour, l-elettorat mhux se jkollu għażla ħlief li jibqa’ bil-Labour.”

Filwaqt li ħabbar li fil-ġimgħatejn li ġejjin se jkompli jispjega l-viżjoni tiegħu għall-partit u għal pajjiżna, Chris Said fi stqarrija wassal dan il-messaġġ: “Jien qatt ma qtajt qalbi mill-ebda sfida. Jien ma nemminx li Kap ta’ partit għandu jittella’ fuq pedestal. Ma nemminx fil-kult tal-personalità. Ħadd mhu akbar mill-partit. Determinat, aktar minn qatt qabel, li nkompli nservi lilkom b’lealtà u b’integrità. L-entużjażmu u d-determinazzjoni tiegħi, wara lbieraħ, u wara n-numru kbir ta’ messaġġi u telefonati li rċevejt biex fis-16 ta’ Settembru noffri għażla ċara lit-tesserti, kiber ħafna. Lejn it-tesserati għandi rispett u lealtà. Għalhekk li se nkun hemm għalihom u għandi fiduċja fihom.”