Lokali

FILMAT: L-għażla quddiem il-PN hi t-Triq tas-Sewwa – Chris Said

Fl-istorja ta’ kull partit politiku hemm mumenti mqanqla. Kull partit jgħaddi minn mumenti li fihom ikun hemm tensjoni. Kull partit jgħaddi minn mumenti li fihom ikun hemm sfidi. Kull partit ikollu mumenti fejn il-partitarji tiegħu jridu jingħaqdu.

Dakinhar biss ikunu kapaċi verament jgħid: “Jien irrid inbiddel.” Il-Partit Nazzjonalista jinsab f’salib it-toroq. Bilfors irid jieħu triq ġdida, għax żewġ telfiet elettorali ma jħallulekx triq oħra.

Hemm triq minnhom li hi l-aktar triq diffiċli, iżda twassalna għas-suċċess, jisimha t-triq tas-sewwa. Bħala kap tal-Partit Nazzjonalista jien irrid li nieħdu din it-triq, u qed nistedinkom tingħaqdu miegħi.

Dan qalu l-kandidat għal Kap tal-Partit Nazzjonalista Chris Said meta t-Tnejn filgħodu indirizza konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Parlament.

Il-mument li nċedu għall-pressjoni u narmu dak li jagħmilna Nazzjonalisti Maltin inkunu qbadna t-triq li twassal biex il-partit tagħna jiġġarraf.

Wara żewġ telfiet elettorali jkun hemm pressjoni biex nintelqu mal-kurrent u nagħmlu bħal tal-Labour. F’kelma waħda nagħmlu dak li jiġi għal idejna biex nirbħu. Bħala Kap tal-partit jien mhux se nippermetti li l-partit tagħna jintelaq mal-kurrent sostna Chris Said

Fid-djar hemm eluf ta’ tesserati li ma jidħlux f’argumenti fuq Facebook dwar min għandu jkun kap. Lanqas ma jappoġġja xi kandidat fil-miftuħ. Dawn huma nies li jagħrblu fis-silenzju.

Lil dawn, fis-16 ta’ Settembru, Chris Said qal li qed joffrilhom għażla ċara: it-triq tas-sewwa, tal-għaqda, tal-integrità.