Futbol Sport

FUTBOL – Pele jisfida lil Ronaldo

Pele u Ronaldo

L-eksplejer leġġendarju tal-Brażil Pele sfida lill-istilla tal-Portugall Cristiano Ronaldo u qal ikun biss meta Ronaldo jiskurja daqsu li wieħed ikun jista’ jibda jikkumpara l-karriera tagħhom.
Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet Ronaldo skurja t-78 gowl mal-Portugall, wieħed aktar minn kemm kien skurja Pele mal-Brażil.

Madankollu b’kollox Pele skurja 1283 gowl fil-karriera tiegħu u Ronaldo fadallu ħafna biex jilħaq din iċ-ċifra mpressjonanti.

Ronaldo b’hekk s’issa jista’ jgħid li ma’ pajjiżu skurja gowls aktar minn Pele imma ta’ min jinnota li l-plejer ta’ Real Madrid skurja l-gowls mal-Portugall f’145 logħba filwaqt li l-gowls li skurja Pele waslu f’92 partita mat-tim Brażiljan.

“Il-gowl ta’ Ronaldo li bih qabeż ir-rekord internazzjonali tiegħi kien wieħed sabiħ u nawguralu jkompli jiskurja aktar. Smajt ħafna li diġa’ qed jikkumparaw il-karriera tiegħi ma’ tiegħu imma l-uniku ħaġa li nista’ ngħid hu li wieħed jista’ jagħmel dan meta Ronaldo jkun skurja daqsi,” qal Pele.
L-eksplejer ta’ Santos ammetta li ż-żminijiet huma differenti u llum-il ġurnata d-difiżi tat-timijiet huma aktar organizzati.

Ta’ min jiftakar li mal-Brażil rebaħ tliet darbiet it-Tazza tad-Dinja filwaqt li Ronaldo, sena ilu, għen lit-tim tiegħu jirbaħ il-Kampjonat Ewropew.