Raġel ta’ 38 sena imwieled fi Sierra Leone iżda residenti f’San Pawl il-Baħar inżamm arrestat wara li matul tmiem il-ġimgħa, inqabad mill-Pulizija barra mir-residenza tiegħu fis-2a.m.
Dan bi ksur tal-kundizzjonijiet għall-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ proċeduri fejn qed jiffaċċja akkużi ta’ traffikar ta’ droga.
Awal Mohamed illum tressaq quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech akkużat bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-liberta’ proviżorja. Hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Hu kien ingħata l-liberta’ proviżorja f’Mejju tas-sena li għaddiet wara li inqabad allegatament ibiegħ droga kannabis, f’San Pawl il-Baħar.
L-Ispettur Maurice Curmi, għall-Prosekuzzjoni spjega li minbarra li nqabad barra mir-residenza tiegħu, Mohamed biddel l-indirizz tiegħu mingħajr ma informa lill-pulizija u ilu ma jiffirma f’għassa tal-pulizija għal dawn l-aħħar xahrejn.
Dan ġibed kritika mill-Qorti li rrimarkat li meta persuni ma jiffirmawx fl-ghassa kif ordnati, dawn għandhom jiġu arrestati immedjatament.
L-Avukat tal-għajnuna legali Francine Abela qalet li l-akkużat kien qed jixtri l-ħobż. Il-Qorti ma’ aċċettatx din l-ispjegazzjoni u ordnat li Awad Mohamed jinżamm arrestat għaliex wera li mhux affidabbli.
//= $special ?>

