Il-Kanċillier Ġermaniż u kap tal-Partit Demokristjan Ġermaniż, is-CDU, baqgħet il-favorita li tirbaħ l-elezzjoni ġenerali fi ftit ġimgħat oħra fil-Ġermanja.
Dan wara li ħarġet minn fuq fl-unika dibattitu televiżiv mal-avversarju politiku tagħha, Martin Schultz, il-mexxej tal-Partit Soċjal-Demokratiku qabel il-vot fl-24 ta’ Settembru. Dibattitu li sar il-Ħadd filgħaxija. Schultz, qabel id-dibattitu kien fiduċjuż li kien se joħroġ minn fuq f’dan id-dibattitu imma dan ma seħħx.
Matul id-dibattitu ta’ 97 minuta, it-tnejn argumentaw dwar il-politika għar-refuġjati, it-Turkija u s-sigurtà interna. Merkel hawn qablet ma’ Schultz li t-Turkija m’għandhiex titħalla ssir membru tal-Unjoni Ewropea.
Wara d-dibattitu, stħarriġ wera li n-nies kienu tal-fehma li Merkel ħarġet minn fuq u Schultz naqas li jimpressjona. Imma l-istħarriġ wera wkoll li dawk indeċiżi baqgħu ħafna. Stħarriġ li kien pubblikat qabel id-dibattitu kien wera li 46 fil-mija tal-Ġermaniżi kienu indeċiżi kif se jivvutaw.
Meta Schultz kien sar kap fi Frar, kien hemm entuzjażmu kbir u l-appoġġ għall-partit kien ta’ madwar 30 fil-mija. Imma aktar ma għadda ż-żmien dan batta u issa l-appoġġ hu ta’ madwar 24 fil-mija.
L-ELEZZJONI ĠERMANIŻA: Merkel tibqa’ l-favorita


