Lokali

L-Iżvizzera lesta tagħmilha ta’ medjatur fil-kriżi Koreana

Hekk kif qed isiru diversi twissijiet li d-dinja tinsab f’xifer gwerra bla preċedent, l-Iżvizzera ħabbret li kienet lesta tagħmilha ta’ medjatur biex tissolva l-kriżi Koreana, fost l-oħrajn billi torganizza laqgħat ministerjali bejn in-naħat kollha mdaħħla fil-kriżi.
Dan wara li fi tmiem il-ġimgħa, il-Korea ta’ Fuq wettqet is-sitt splużjoni nukleari bi prova u l-aktar waħda b’saħħitha s’issa.
L-offerta ta’ medjazzjoni saret mill-President tal-Iżvizzera, Doris Leuthard. Hi fakkret li fost it-truppi tan-Nazzjonijiet Uniti tul il-fruntiera bejn il-Korea t’Isfel u dik ta’ Fuq kien hemm truppi Żvizzeri flimkien ma’ dawk tal-Iżvezja. Hi qalet li l-medjazzjoni tista’ ssir bejn l-Iżvizzera u l-Iżvezja.
Dan hekk kif it-Tnejn bdiet laqgħa urġenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti biex tiddiskuti l-aħħar żviluppi fil-peniżola Koreana. Imma minkejja li fil-passat kienu imposti diversi sanzjonijiet iebsa kontra l-Korea ta’ Fuq, ir-reġim ta’ Pyongyang xorta kompla bl-isparar tal-missili u bl-isplużjonijiet nukleari bi prova.
Nikki Haley, l-Ambaxxatur Amerikan għan-Nazzjonijiet Uniti, qalet li issa l-Korea ta’ Fuq kienet qabżet il-limitu u kien hemm bżonn tweġiba iebsa.
L-aħħar sensiela ta’ sanzjonijiet li kienu imposti kontra l-Korea ta’ Fuq kien f’Awwissu.
Il-Korea t’Isfel, it-Tnejn, qalet li kienet f’konsultazzjoni mal-Istati Uniti dwar it-tisħiħ tal-preżenza militari Amerikana fir-reġjun. Dan wara indikazzjoni li issa l-Korea ta’ Fuq qed tlesti biex tispara xi missili oħra.