Elezzjoni Kap PN Lokali

Minn għada jinġabru d-dokumenti tal-vot

Il-votazzjoni waqt il-Konvenzjoni Ġenerali se ssir is-Sibt 16 ta’ Settembru

Wara l-elezzjoni li saret fil-Kunsill Ġenerali, issa bdiet it-tieni fazi għall-elezzjoni tal-Kap tal-PN, fejn se jkunu jistgħu jivvutaw it-tesserati. Minn din il-ġimgħa fil-fatt jibdew jinġabru d-dokumenti tal-votazzjoni.

Bejn għada u l-Ħamis 14 ta’ Settembru, it-tesserati reġistrati jistgħu jiġbru d-dokument tal-vot mid-Dar Ċentrali tal-PN bejn id-9.00am u s-6.00pm. Dan minbarra s-Sibt 9 ta’ Settembru meta se jsir l-early voting, u l-Ħadd 10 ta’ Settembru. Dawk reġistrati f’ Għawdex jistgħu jiġbru d-dokument tal-vot mis-Sub Headquarters tal-PN f’Ta’ Sannat nhar l-Erbgħa 6 u l-Ħamis 7 ta’ Settembru bejn l-10.00am u t-8.00pm.

Il-votazzjoni waqt il-Konvenzjoni Ġenerali f’Malta se ssir is-Sibt 16 ta’ Settembru fl-MFCC f’Ta’ Qali u fuq il-Fosos tal-Floriana, filwaqt li dik f’Għawdex se ssir f’Ta’ Sannat. L-early voting tas-Sibt li gej se jsir fid-Dar Ċentrali u fis-Sub Headquarters tal-PN f’Ta’ Sannat. Din hija l-ewwel darba fl-istorja politika ta’ pajjiżna illi partit politiku qed jeleġġi l-Kap tieghu b’vot dirett mit-tesserati.

Il-votazzjoni tat-tesserati issegwi l-ewwel fażi, fejn fiha ipparteċipaw 99% tal-membri tal-Kunsill Generali. Għall-vot finali se jikkontestaw Adrian Delia u Chris Said.