Elezzjoni Kap PN Lokali

“Se naħdem biex ngħaqqad il-Partit” – Adrian Delia

Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li jekk jiġi elett Kap tal-Partit Nazzjonalista l-ewwel impenn tiegħu jkun li jġib l-għaqda fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

Qal li waħda mil-ewwel affarijiet li jagħmel jekk jiġi elett Kap tal-Partit Nazzjonalista hi li joffri l-id tal-ħbiberija lil dawk li qed jappoġġjaw kandidati oħra fit-tellieqa għal-Kap tal-Partit.

Il-kandidat għal-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella lil dawk li qed jappoġġjawh biex bl-ebda mod ma jattakkaw lil-ħaddieħor, iżda minflok jwasslu messaġġ wieħed, li ħadd ma hu akbar mil-Partit Nazzjonalista.

Adrian Delia għal darba oħra qal li huwa inaċċettabbli li l-persuni li qed jappoġġjaw kandidati għal-Kap tal-Partit juru l-appoġġ tagħhom billi jattakkaw kandidat ieħor jew lill-persuni li qed jappoġġjawhom.

Adrian Delia qal li huwa ridikolu li rappreżentant elett mill-poplu qed jipprova jidħaq bl-istess nies li eleġġewħ billi implika li l-Partit Nazzjonalista se jinħataf mil-mażuni. Il-kandidat għal-Kap Nazzjonalista qal li huwa tajjeb li ġaladarba saru dawn l-allegazzjonijiet min għamilhom jerfa ir-responsabbiltà li jissostanzjahom.

Kompla li filwaqt li hu naturali li f’mumenti bħal dawn waqt li jkun hemm elezzjoni, xi partitarji tal-kandidati jgħidu xi kelma żejda, huwa essenzjali għal-ġid tal-Partit Nazzjonalista li wara l-aħħar fażi tal-elezzjoni għall-Kap tal-Partit li fiha bħala kontestanti se jkun hemm hu u Chris Said, il-Partit jingħaqad.

Il-kandidat għal-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li matul dawn il-ġimgħatejn se jkun qed jkompli jiltaqa’ ma kemm jista’ jkun nies, li kull ma jmur l-appoġġ tagħhom qed jiżdied.

Qal li matul dawn il-ġimgħatejn se jkompli jispjega l-viżjoni tiegħu għal-Partit Nazzjonalista biex dan tal-aħħar jkun jista’ mil-ġdid jingħata l-fiduċja tal-poplu biex jiggverna, bl-għan ewlieni jkun li nħallu futur aħjar lill-uliedna.

Adrian Delia qal li jinsab kburi li hu bħala kandidat f’din it-tellieqa għal-Kap tal-Partit flimkien ma’ Chris Said se jkunu qed jagħtu lezzjoni ta’ kif taħdem id-demokrazija lill-Partit Laburista, billi għall-ewwel darba fl-istorja tal-Partit, fit-tieni fażi tal-elezzjoni għal-Kap se jkunu qed jivvutaw firxa wiesgħa ta’ nies, ‘il fuq minn 20,000 tesserat b’kollox.